Ara kif u meta pajjiżna se jkompli miexi lejn in-normalità sħiħa   – One News

Notifiki

Ara kif u meta pajjiżna se jkompli miexi lejn in-normalità sħiħa  

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li nhar it-Tnejn, tmienja ta’ Ġunju, se jingħataw id-dettalji ta’ budget multi-miljunarju li se jippremja lil dawk li huma lesti li jinvestu.

FIT-8 TA’ ĠUNJU SE JITĦABBAR BUDGET MULTI-MILJUNARJU

Dan mistenni jixpruna l-attività ekonomika biex terġa’ tqum fuq saqajha wara l-pandemija tal-Coronavirus.

“Mhux se jkun budget li jinċentiva l-għażż imma budget li jinċentiva l-bżulija. Budget li juri ringrazzjament lejn in-negozji tagħna li f’dawn l-aħħar ġimgħat tant kienu reżiljenti, tant għamlulna kuraġġ, li rrifjutaw li jċedu għad-diffikultajiet li kellhom.”

F’intervista fuq ONE, il-Prim Ministru nnota li ċ-ċifri juru li d-depożiti fil-banek fl-aħħar ġimgħat, splodew ’il fuq, u issa huwa ż-żmien li n-nies u n-negozji, jinvestu.

“Din hija realtà, jiena rajt iċ-ċifri u l-istatistika. Id-depożiti tagħna telgħu b’miljuni kbar f’dawn l-aħħar ġimgħat jiġifieri n-nies ġemmgħu. Illum wasal il-mument li dak li tpoġġa l-bank jintefaq u jintefaq għax jagħmel sens li inti tonfoq għax għal kull ċenteżmu li tonfoq se jiġi lura iżjed u dak huwa l-prinċipju bażiku li se jkun qed iniedi dan il-budget multi-muljinarju tat-tmienja ta’ Ġunju li jaqbillek taħdem, jaqbillek tinvesti, jaqbillek tħares ’il quddiem.”

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li nhar l-Erbgħa l-ewwel ta’ Lulju se jinfetħu l-ajruport u l-portijiet.

FL-1 TA’ LULJU SE JIFTAĦ L-AJRUPORT U L-PORTIJIET

Dan filwaqt li t-Tnejn l-ewwel ta’ Ġunju, se jitħabbru aktar miżuri li se jiġu rilaxxati b’effett mill-Ġimgħa ħamsa ta’ Ġunju, li se jaraw il-ftuħ mill-ġdid ta’ bosta stabbilimenti u entitajiet li sa issa kienu magħluqin – bħall-Qorti u gyms.

FIL-5 TA’ ĠUNJU SE JIFTĦU AKTAR STABBILIMENTI

F’dan il-kuntest se jitħabbru protokolli ġodda u sempliċi bbażati fuq kif żviluppat is-sitwazzjoni tal-pandemija fl-aħħar jiem.

Robert Abela spjega li kull min qal li bir-rilaxx tal-miżuri se jkun hawn it-tieni mewġa, ingħata prova bil-fatti kemm kien żbaljat, u tenna li issa beda perjodu kruċjali li permezz tiegħu se nirritornaw għal normalità sħiħa.

“Imxejna dejjem bi pjan, pjan li kien wieħed ċar u kellna suċċess għax tajba stabilita. Dejjem tajna viżjoni ta’ fejn konna sejrin anki f’mumenti li kienu diffiċli aħseb u ara issa li l-affarijiet sejrin tant tajjeb.”

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-poplu li obda f’dawn l-aħħar xhur, anki jekk kien hemm episodji ta’ nuqqasijiet.

Hawnhekk innota li ħafna minn dawn il-każijiet kienu ġenwini, bħal meta ġieli nġabru n-nies ħdejn tal-ħaxix, u meta fiċ-ċimiterju marru jixtru l-fjuri f’Jum l-Omm.

“Hija x-xewqa tiegħi li nintroduċu fl-immedjat mekkaniżmu li permezz tiegħu tkun tista’ tiġi kkunsidrata amnestija għall-multi li weħlu n-nies f’dawn l-aħħar ġimgħat, infakkru li dan kien episodju li min weħel il-multi, m’huwhiex kriminal.”

Il-Mexxej Laburista nnota b’dispjaċir li f’mument meta l-pajjiż għandu bżonn l-istabbiltà, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed jitkellem fuq elezzjoni ġenerali bikrija.

“Dan il-Gvern għandu mandat sal-2022 u bi ħsibna nagħmluh dan il-mandat. Din hija xi ħaġa li ddikjarajtha mill-bidu nett anki fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista, li kont bi ħsibna nibqa’ għaddej bil-mandat sħiħ li l-poplu afda bih lill-Partit Laburista fil-Gvern, u se nibqa’ għaddej f’din id-direzzjoni. Dan il-pajjiż għandu bżonn stabilità, serħan il-moħħ, u hekk se nkunu qegħdin nagħtu lil dan il-pajjiż.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Min ghandhu l-bzar ha jroxxu jghid il-Malti. U l-gvern Laburista, bl’ghaqal li dejjem kellhu, ghandu biex jghamel Budget iehor dejjem ghal-gid tal-poplu Malti. Min dejjem jitlob ghad-deni jara x’ghamel biex forsi ma jindiniefx haj huwa stess. Prosit sal-ahhar nifs Laburista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend