“Aktar ma jiġu l-attakki, aktar inkun reżiljenti” – il-Prim Ministru – One News

Notifiki

“Aktar ma jiġu l-attakki, aktar inkun reżiljenti” – il-Prim Ministru

“Dawn kienu akkużi li setgħu tefgħu lill-Armata, lill-Brigadier u lili, għomorna il-ħabs. Mhux hekk biss iżda, x’kien l-iskop warajhom? L-iskop warajhom kien li jiddistabilizzaw lill-pajjiż.”

Din kienet ir-reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, l-għada li ġiet ippubblikata l-inkjesta Maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet ta’ qtil ta’ immigranti fil-konfront tiegħu, tal-Brigadier u tal-Armata.

Inkjesta li qalet li d-denunzji miftuħa mill-għaqda Repubblika u ffirmati mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, ma kinux imsejsa fuq provi.

Hawnhekk l-Prim Ministru appella lill-għaqda Repubblika biex ma tħallix lil min jużaha għal għanijiet ulterjuri, u tibqa’ taħdem bħala soċjetà ċivili.

“Hemm min irid rasi fuq platt. Ngħidilhom li m’għandhomx ċans. Aktar ma jiġu dawn l-attakki, aktar inkun reżiljenti, aktar inkun b’saħħti. Min jimxi b’politika nadifa, min jibqa’ viċin in-nies, min iħobb lill-poplu Malti u Għawdxi u min jibqa’ jaħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, rasu ma tiġi qatt fuq platt iktar u iktar b’dawn it-tip t’attakki li verament ma jagħmlux sens.”

Filwaqt li Jason Azzopardi qal li ma jagħmel apoloġija qatt u ta’ xejn, il-Prim Ministru talab apoloġija lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, li minħabba attakk fil-konfront tiegħu, qattgħu ġimgħat telgħin u neżlin il-Qorti u inkwetati fuq xogħolhom.

Robert Abela qal li l-mistoqsija issa hi, x’se jagħmel Adrian Delia b’Jason Azzopardi?

“Adrian Delia għandu għażla. Jew ikompli jbigħ ruħu lil dik il-fazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, inkella għall-ewwel darba, jieħu pożizzjoni soda u jgħid u jiddikjara li dawn l-affarijiet hu ma jaċċettahomx. Jekk mhu se jagħmel xejn minn dan, allura imbagħad il-poplu jkompli jagħmel il-konklużjoniijiet tiegħu fuq Adrian Delia, fuq l-Oppożizzjoni, kien qiegħed jagħmel b’mod konsistenti.”

Fi tmiem ġimgħa li matulha żar il-Libja, il-Prim Ministru tenna l-pożizzjoni ċara ta’ Malta fuq l-immigrazzjoni.

“Għamilna l-pożizzjoni tagħna b’saħħitha li Malta hija mimlija, m’għandniex, aħna għandna litteralment wieħed fil-mija tal-popolazzjoni tagħna li jikkonsisti minn immigranti irregolari. Mhux talli erfajna l-piż tagħna, talli dejjem erfajna piż akbar minn dak li nifilħu kemm għal dak li huwa koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ kif ukoll għal dak li huma immigranti irregolari li għandna f’pajjiżna.”

Il-Prim Ministru qal li ż-żjara fil-Libja, ikkonsolidat prinċipju ewlieni; dak li pajjiżna se jkun il-pont bejn il-Libja u l-Ewropa.

“Kienet żjara simbolika imma li se tissarraf f’ħafna u ħafna ħidma bejna, bejn il-Libja u biex niżguraw ukoll li Malta tieħu t-trattament li jixirqilha, l-istess lil-Libja, u li l-messaġġ li qed joħroġ mingħand it-tmexxija Libjana jasal fejn għandu jasal fl-istituzzjonijiet Ewropej. Aħna konna u se nkunu l-katalisti ta’ din il-bidla.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend