Xogħlijiet ta’ emerġenza fit-Telgħa tas-Saqqajja  – One News

Notifiki

Xogħlijiet ta’ emerġenza fit-Telgħa tas-Saqqajja 

L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta investigat it-tiġrif tal-ħajt li jwieżen il-parti ta’ fuq tat-Telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat, li ġie kkawżat mill-maltemp li ħakem il-Gżejjer Maltin l-Erbgħa li għadda.

Il-perit Anton Zammit spjega xi ħsarat instabu wara investigazzjoni mill-periti u t-tekniċi tal-aġenzija.

“Kellna kwistjoni fejn l-ilma tax-xita iddistabbilizza t-triq. It-triq hawnhekk ilha mibnija għal bosta snin fuq terrain mit-tafal u hawn ħafna li hu instabbli. Kellna fall-out vojt li qed jinħoloq taħt it-triq li eventwalment sfronda parti mill-ħajt u l-ilma spiċċa fil-wied ta’ taħtna.”

Issa din il-parti tat-triq, li twassal għal Triq Nikola Saura u Triq Gorg Borg Olivier, se tingħalaq għaż-żmien li ġej.

“Li se nagħmlu huwa intervent fejn se nsibu l-vojt fejn qiegħed, nidentifikaw minn fejn ġej l-ilma, nilqgħu l-ilma u apparti hekk se nibnu struttura biex nistabbilizzaw it-triq.”

Sewwieqa li jiffrekwentaw l-inħawi se jkunu mitluba jsegwu rotot alternattivi għall-inħawi, iżda l-aċċess għall-Imdina u l-qalba tar-Rabat se jibqa’ miftuħ.

Il-Ministru Ian Borg irringrazzja l-periti u t-tekniċi kollha li se jkunu qed jaħdmu fuq dan l-intervent ta’ emerġenza.

“Se jkunu qed jaħdmu lejl u nhar sabiex din l-arterja importanti għar-Rabtin u Dinglin tkun irrimedjata mill-aktar fis possibbli. Wieħed għandu jsegwi id-direzzjonijiet tal-uffiċjali ta’ Transport Malta sadanitant biex ma jkunx hemm konġestjoni ta’ traffiku u kulħadd jasal fid-destinazzjoni tiegħu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend