Ippublikata l-Inkjesta Maġisterjali: Iġġib fix-xejn l-allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju ta’ immigranti – One News

Notifiki

Ippublikata l-Inkjesta Maġisterjali: Iġġib fix-xejn l-allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju ta’ immigranti

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari.

Dan filwaqt li s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 ma wettqu ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti.

Dan ħareġ mill-konklużjonijiet tar-rapport tall-inkjesta Maġisterjali li ġie ppubblikat fl-intier tiegħu mill-uffiċċju tal-Prim Ministru s-Sibt wara nofsinhar wara denunzja li ressqet l-għaqda Repubblika bil-firma tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi.

Ir-rapport tal-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud fih aktar minn erba’ mitt faċċata, u l-inkjesta semgħet mal-mija sitta u ħamsin xhud, bl-assistenza ta’ esperti tekniċi, esperti maħtura għall-ġbir tal-provi u b’talbiet għal assistenza mil-Libja u informazzjoni oħra.

Malli ngħalqet din l-inkjesta, il-Maġistrat għadda r-rapport lill-Avukat Ġenerali kif titlob il-liġi.

Bħala wieħed mill-persuni li fil-konfront tiegħu saru dawn l-allegazzjonijiet, il-Prim Ministru Robert Abela talab lill-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja tal-proċess verbal intier. Bl-Avukat Ġenerali laqa’ din it-talba u r-rapport wasal għand l-Uffiċċju tal-Prim Ministru s-Sibt wara nofsinhar.

L-inkjesta waslet għal dawn il-konklużjonijiet – illi l-allegazzjonijiet li saru mhumiex imsejsa bi provi.

L-allegazzjonijiet li saru u li jolqtu l-meritu tal-inkjesta ma nstabux li huma msejsa fuq il-provi: la xhieda okulari u l-anqas dawk dokumentarji. 

Ma nstabet l-ebda rabta dokumentarja stampata jew xhieda oħra li torbot lill-ekwipaġġ tal-lanċa P52, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap Kmandant Jeffrey Curmi mal-allegati reati.

Ġie konkluż li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari.

Ma nstabx li l-ekwipaġġ ta’ P52 wettaq xi tentattiv ta’ omiċidju; Ma nstabx li l-Prim Ministru l-Onor. Dottor Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi setgħu kienu involuti f’omiċidju volontarju ta’ numru ta’ persuni. 

Konkluż ukoll li l-ekwipaġġ tal-P52 ma wettaq ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti irregolari. 

L-inkjesta sabet li Malta wettqet l-obbligi internazzjonali tagħha u li l-komunità internazzjonali għandha tqum għar-responsabbiltajiet tagħha wkoll.

Kien hemm diversi punti li jikkuntrastaw serjament mal-allegazzjonijiet magħmula minn Repubblika u Jason Azzopardi u li kienu jistrieħu fuq tweets u stqarrijiet ta’ Alarm Phone.

Irriżulta wkoll li Repubblika, qabel ressqu d-denunzji lill-Pulizija, la talbu kjarifiċi mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, la mill-Brigadier u lanqas mill-Armata, u lanqas minn min għamel l-allegazzjonijiet oriġinali permezz ta’ twitter, liema messaġġi kienu sors tal-istejjer fuq mezzi tax-xandir internazzjonali.

Mill-inkjesta ħareġ ukoll illi l-membri tal-ekwipaġġ tal-P52 lanqas kienu fuq ħidma ta’ salvataġġ fil-ġranet indikat fid-denunzja fid-dati li ġie allegat li wettqu tentattiv ta’ omiċidju.

Il-Maġistrat Inkwirenti jirrimarka li d-denunzja fil-konfront tal-ekwipaġġ tal-P52 ddaħħlet għand il-Kummissarju tal-Pulizija bl-allegata data ta’ meta sar it-tentattiv ta’ omiċidju jingħad li kienet 9 u 11 ta’ Marzu 2020 ma jirriżultax li f’dawk il-ġranet membri tal-ekwipaġġ tal-P52 kienu fuq xi ħidma ta’ salvataġġ. Fl-istess denunzja hemm imniżżel li r-reat li għandu jkun investigat hu tentattiv ta’ omiċidju u fl-aħħar fl-istess denunzja jissemma’ r-reat ta’ omiċidju. 

L-inkjesta waslet għall-konkluzzjoni li għandu jkun hemm ftehim, bi protokolli ċari, dwar kif immigranti salvati jkunu rilokati f’pajjiżi varji, mhux biss tal-Unjoni Ewropea imma anke oħrajn membri tal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet oħra tal-istati. Dan sabiex ikun hemm solidarjetà reali u mhux biss fuq il-karta.

“Għandu jkun hemm soluzzjoni ewlenija fit-tul biex ikun hemm titjib fil-livell ta’ għajxien madwar id-dinja, sabiex b’hekk il-persuni ma jiġux sfurzati li jaħarbu minn darhom biex isibu protezzjoni jew ifittxu ħajja aħjar”, saħaq il-Maġistrat fir-rapport tal-inkjesta.

Il-Maġistrat żied jgħid li jeħtieġ isiru sforzi ta’ koperazzjoni mill-pajjiżi biex jiġi indirizzat it-traffikar uman.

Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Inkjesta Magisterjali talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikompli bl-istħarriġ tiegħu, b’koperazzjoni mal-forzi tal-ordni barranin, dwar it-traffikanti tal-bnedmin li tħallsu u organizzaw il-vjaġġ tal-immigranti, u li għalhekk kellhom l-obbligu ta’ ħarsien fil-konfront ta’ dawn il-persuni, u li għalhekk huma responsabbli għat-telf tal-ħajjiet.

Għalhekk l-inkjesta għal iktar investigazzjonijiet biex ikunu iddentifikati dawk li qed jorganizzaw dawn il-vjaġġi klandestini bi sfruttament ta’ tant persuni, liema introjtu mill-vjaġġi qed ikun ukoll sors għall-iffinanzjar ta’ gruppi terroristiċi.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

2 Comments

  1. Imma dan għandu jkun il-bidu mhux it-tmiem. Min għamel l – akkużi irid iwieġeb għax inkella r-rule of law ma taħdimx!! Kull min kien involut fl-akkużi għandu jitressaq ħalli jwieġeb. Il-ġustizzja mhux issir biss iżda għandha tidher li qegħda ssir kien qalila wieħed darba. Ma nistgħux f’dan il-pajjiż jibqgħu jsiru l-akkużi u wara ħadd ma jidher.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend