‘Hawnhekk intom siguri’- ir-ristoranti jkomplu jilqgħu l-klijenti ġimgħa wara l-bidu ta’ realtà ġdida – One News

Notifiki

‘Hawnhekk intom siguri’- ir-ristoranti jkomplu jilqgħu l-klijenti ġimgħa wara l-bidu ta’ realtà ġdida

Hawnhekk se nipproteġukom u se tkunu siguri. Dan hu l-mod li bih ir-ristoranti u l-istabbilimenti tal-ikel qed jilqgħu il-klijenti mill-ġdid fl-ewwel ġimgħa sħiħa mir-rilaxx parzjali ta’ miżuri b’rabta mal-Covid-19.

Crew ta’ ONE News żar żewġ ristoranti ewlenin, fil-Belt Valletta u Tas-Sliema, fejn tard is-Sibt waranofsinhar kienu għaddejjin bil-preparamenti għas-servizz ta’ filgħaxija. Hawnhekk stajna ninnutaw kif ir-ristoranti adottaw miżuri ġodda ta’ tindif qabel is-servizz, biex ikunu konformi mal-istruzzjonijiet tal-awtortiajiet.

Charlotte Sullivan, sid ta’ ristorant fil-Belt, spjegat li l-klijenti saru jistaqsu minn qabel dwar x’miżuri qed jieħu l-istabbiliment qabel ma jmorru. “Din kienet l-ewwel ġimgħa, u minn x’imkien trid tibda. Il-klijenti huma ftit, jistaqsu ħafna domandi fuq l-iġene iżda hekk kif nispjegaw imbagħad iħossuhom komdi”, spjegat Sullivan.

Minkejja dan, id-domanda għas-servizz għadha hemm, tant li ġimħa wara li fetaħ mill-ġdid, ħdax-il persuna kkuntattjaw l-istabbiliment biex jieħdu servizz. Filfatt Charlotte qaltilna kif “mill-bidu li ftaħna kuljum kien hemm żieda żgħira u n-nies qed jistaqsu u jċemplu, jiġifieri diġà hemm domanda, biss in-nies iridu jħossuhom komdi li jiġu”.

Melanie Kelly, l-uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-kumpanija MedAsia, spjegat li issa l-istabbilimenti qed jagħtu servizz lil madwar nofs l-ammont ta’ klijenti li kien ikollhom qabel fid-dawl li issa, ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jagħtu servizz sigur. Kelly spjegat ukoll kif “meta jiġu biex jordnaw nagħtu menu li jintuża darba, u meta jitilqu issir full sanitization tal-mejda, is-siġġijiet u kulma użaw. Darbtejn fil-ġurnata ssir ukoll diżinfettazzjoni tal-post, kull filgħodu u kull filgħaxija.”

Minkejja din ir-realtà ġdida, Kelly tinsab fiduċjuża li diment li kulħadd jimxi ma’ dawn il-protokolli l-ġodda, in-negozji u l-istabbilimenti lokali jerġgħu jibdew joperw b’mod normali, ma jdumux:

“Jien ċerta li jekk inżommu dawn il-miżuri nimxu ‘l quddiem u kif jgħaddu l-ġimgħat nistgħu naħdmu aħjar. Qed nagħmlu dak kollu li nistgħu biex il-klijenti jkunu ċerti li qed nieħdu l-miżuri kollha, u hawnhekk se jkunu protetti u siguri.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend