Delia jbeżża’ bil-futur ta’ Malta – One News

Notifiki

Delia jbeżża’ bil-futur ta’ Malta

Fuq l-istazzjon tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia sostna li pajjiżna se jgħaddi minn diffikultajiet kbar.

Delia, li mhux l-ewwel darba li ma ġerraħx is-suċċessi u l-isforzi li qed isiru biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem anki waqt il-pandemija, kien negattiv tul intervista ta’ kważi tliet kwarti.

Din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li saħansitra nnuttaw aġenziji internazzjonali ta’ kreditu u l-Unjoni Ewropea, istituzzjonijiet magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Tbassir li għalkemm iddistakat mir-retorika ta’ Adrian Delia, ġie irraportat mill-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon tiegħu stess.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali u anki l-Unjoni Ewropea saħqu li Malta se tkun l-inqas pajjiż b’daqqa ekonomika kawża tal-pandemija u se tirkupra minnufih, is-sena d-dieħla.

Dan apparti li statistika uffiċjali ppubblikata matul il-jum tal-Ġimgħa wriet li fl-ewwel kwart tas-sena, meta l-Ewropa kienet l-epiċentru tal-Coronavirus, l-ekonomija taż-żona ewro naqset bi tlieta punt tnejn fil-mija filwaqt li ta’ Malta kibret b’nofs perċentwal.

Iżda skont Delia, il-Gvern ma jħarisx fit-tul.

Il-Gvern li skont Delia jħares biss fl-immedjat, sa issa ħallas madwar tnejn u disgħin miljun ewro f’benefiċċji soċjali u għajnuna fi ħlas ta’ pagi tal-ħaddiema fi sfond ta’ ekonomija reżiljenti.

Intant Delia kien mistoqsi dwar l-ingaġġ bil-moħbi taċ-Chief of Staff tiegħu b’paga ta’ erbgħin elf ewro fis-sena.

U dan fid-dawl tal-fatt li l-qagħda finanzjarja mwiergħa tal-Partit Nazzjonalista qed twassal biex impjegati titnaqqsilhom il-paga u preżentaturi kellhom jaċċettaw jagħmlu programmi mingħajr ħlas. Dahru mal-ħajt, Delia fetaħ attakk fuq l-kapijiet Nazzjonalisti preċedenti bħal Simon Busuttil, fejn stqarr li kollha kienu jonfqu iktar minnu.

Għal aktar minn darba, Delia benġielha dwar iċ-Chief of Staff tiegħu imbagħad stqarr li ma kellux għalfejn iħabbar l-ingaġġ li kompla jnissel rabja kbira fil-partit li jinsab għarkubtejh finanzjarjament. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend