“In-nies qed jiġu u x-xogħol baqa’ għaddej f’normalità ġdida” – Direttur ta’ ċentru mediku li joffri servizzi estetiċi – One News

Notifiki

“In-nies qed jiġu u x-xogħol baqa’ għaddej f’normalità ġdida” – Direttur ta’ ċentru mediku li joffri servizzi estetiċi

Ġimgħa mindu komplew jitnaqqsu r-restrizzjonijiet fil-miżuri marbuta mal-Coronavirus, jidher li l-anzjetà fost in-nies qed tonqos. L-istess nies li qed ikunu kawti u josservaw il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa, fl-istess waqt li qed jikkonkorru għas-servizzi li reġgħu bdew jingħataw.

Oliver Scicluna – id-Direttur Maniġerjali ta’ ċentru mediku li joffri wkoll servizzi estetiċi u ta’ sbuħija, stqarr li l-aktar ħaġa li laqtet lill-kumpanija kienet l-inċertezza, li ħadd ma jaf meta u kif se jiġru l-affarijiet. Iżda nnota li mal-mument li reġgħu nfetħu l-bibien taċ-ċentru, kien hemm domanda qawwija għall-appuntamenti, li ma jsirux biss f’xi okkażjoni.

Is-Sur Scicluna spjega: “Qabel konna nemmnu ħafna li bħalissa jkun hemm peak ta’ nies għax ikun hemm diversi events ġejjin, ġej is-sajf, ġejjin it-tiġijiet, allura dak li jkun ikun qed jaħsiblu iżjed. Però qegħdin nindunaw li ħafna nies m’għadhomx jagħmlu t-trattamenti għal xi okkażjoni speċjali imma peress li qegħdin jiġu xorta waħda, ifisser li saret parti mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum biex iħossuhom aħjar.”

Irrimarka li bħala ċentru mediku, anki qabel il-pandemija, kienu jintużaw maskri u ingwanti, imma xorta żdiedu l-prekawzjonijiet fosthom bl-ilbies tal-visors, punti ta’ stennija fid-dħul taċ-ċentru, u sanitizers għall-klijenti qabel u wara kull appuntament.

Huwa sostna: “Filwaqt li qabel konna niddiżinfettaw is-surfaces kollha, illum qed niddiżinfettaw il-pumi tal-bieb wara kull persuna, is-siġġijiet, dawn ovvjament huma affarijiet li jieħdu l-ħin u l-iktar cost li żdied huwa l-ħin li kull trattament qed jeħdilna llum il-ġurnata.”

F’dan il-kuntest, innota li l-iskart żdied b’mod sostanzjali: “Xi ħaġa li nnutajna li l-ammont ta’ consumables ovvjament żdiedu biex dejjem inżidu l-miżuri ta’ mitigazzjoni u dan ifisser li qed niġġeneraw aktar skart.”

Filwaqt li jħares ‘il quddiem għal ħajja aktar kalma, is-Sur Scicluna nnota li din in-normalità ġdida mhux qed iżżommna milli nkomplu b’ħajjitna.

Huwa kompla jgħid: “In-normalità l-ġdida saret vera normalità jiġifieri mhix xi ħaġa li neċessarjament qiegħda żżomna lura milli nkomplu b’ħajjitna, pjuttost nasal ngħid li nħoss li aħna xxurtjati li nistgħu nkomplu b’normalità ġdida u dejjem aħjar li kulħadd irid jibqa’ d-dar u kollox staġnat hux veru?”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend