Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-ekonomija Maltija kibret filwaqt li fiż-żona ewro naqset bi 3.2% – One News

Notifiki

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-ekonomija Maltija kibret filwaqt li fiż-żona ewro naqset bi 3.2%

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rrapporta li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-prodott domestiku gross żdied b’€59 miljun.

L-NSO qal li bejn Jannar u Marzu li għadda, ċifri proviżorji juru li l-prodott domestiku gross laħħaq kważi €3,193 miljun.

Dan ifisser żieda ta’ 1.9% fuq l-ewwel tliet xhur tas-sena oħra.

Minn din l-istatistika joħroġ biċ-ċar li filwaqt li fil-bqija tal-pajjiżi fiż-żona ewro kien hemm tnaqqis ta’ 3.2%, f’Malta, l-ekonomija kibret b’nofs perċentwal.

Dan meta fl-ewwel tliet xhur tas-sena, fl-Ewropa faqqgħet il-pandemija, tant li pajjiżi bħall-Italja kienu meqjusa bħala l-epiċentru tal-imxija tal-Coronavirus.

Dwar it-tkabbir ekonomiku, kienu biss tliet pajjiżi oħra fiż-żona ewro li komplew jikbru, bl-agħar riżultat jiġi rreġistrat fi Franza, fejn l-ekonomija ċkienet b’5.4%.

Analiżi fil-fond turi wkoll li d-distakk bejn l-andament ekonomiku ta’ Malta u dak taż-żona ewro kiber meta mqabbel mal-aħħar kwart tas-sena l-oħra.

Fil-fatt minn 3.3% dan tela’ għal 3.7%.

Analisti finanzjarji jsostnu li kien hemm żewġ fatturi ewlenin wara t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna.

L-ewwel fattur kien li permezz tal-għajnuna tal-Gvern inżammet il-kunfidenza fil-pajjiż u naqsu s-sensji.

Fil-fatt l-ammont totali ta’ pagi żdied b’€78 miljun meta mqabbel mas-sena li għaddiet filwaqt li ż-żieda kienet anqas minn dik osservata fil-kwart ta’ qabel, din iż-żieda tikkuntrasta ħafna ma’ dak li ġara fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żieda kienet ġejja l-aktar mis-settur privat, tant li kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ żieda fil-pagi u allowances fis-settur pubbliku.

Il-Gvern minflok għolla l-ispiża fuq pagi għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, is-sostenn ekonomiku ngħata lis-settur privat.

Dan wassal għal żieda fl-ispiża ta’ kważi 10%.
Minkejja hekk minħabba li kibret l-ekonomija, xorta l-proporzjon tal-ispiża tal-Gvern baqa’ inqas minn dak li kien fl-2012.

It-tieni fattur kien li l-Gvern ma imponiex lockdown totali kif oriġinarjament talab il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Dan f’kuntest li l-Gvern ħalla setturi li kellhom ordnijiet qawwija bħal diversi fabbriki, il-kostruzzjoni u l-industrija tal-gaming li baqgħet topera b’mod virtwali.

Dan wassal biex dawn l-oqsma kellhom andament pożittiv u l-profitti tan-negozji baqgħu stabbli minkejja l-effett tal-pandemija.

Filfatt setturi bħal tal-gaming ġġeneraw tkabbir ta’ aktar minn €20 miljun, filwaqt li s-settur tal-propjetà u kostruzzjoni kkontribwixxew flimkien għal kważi €30 miljun.

L-industrija wkoll marret tajjeb, u kompliet tesporta.

Minkejja r-restrizzjonijiet neċessarji biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus, anke s-servizzi professjonali u finanzjarji rnexxielhom jkomplu jikbru.

Bil-kontra f’pajjiżi bħal Spanja u Franza fejn sar lockdown totali, l-industrija, il-kostruzzjoni u s-servizzi professjonali kienu jgħoddu għal aktar min-nofs tad-daqqa ekonomika tal-pajjiż rispettiv.

Intant fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb li jħossu kburi bir-reżiljenza tan-negozji Maltin.

Qal li minkejja l-imxija tal-Coronavirus, Malta kellha riżultati pożittivi fl-ewwel kwart ta’ din is-sena filwaqt li pajjiżi oħra sofrew tnaqqis.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend