Arrigo jagħlaq konferenza b’appell biex in-nies jaraw in-NET – One News

Notifiki

Arrigo jagħlaq konferenza b’appell biex in-nies jaraw in-NET

Fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo appella lin-nies biex jibqgħu jaraw l-istazzjon Nazzjonalista, in-NET.

Arrigo għalaq il-konferenza bil-kliem, “Komplu segwu n-NET jekk nista’ ngħidha”.

Dan id-diskors, Robert Arrigo qalu wara li stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir għal Novembru kien wera li l-udjenza ta’ ONE News hija t-tripplu ta’ NET News.

Biswit Arrigo kien hemm Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina, żewġ deputati li huma fost il-“cavalli di battaglia” tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u li huma parti mill-hekk imsejħa sbatax-il eroj.

Dawn kienu parti mir-ribelljoni kontra l-Kap Adrian Delia fi Frar li għadda u li dak iż-żmien, Arrigo kien ħabat jiddejjaq u ħabbar li se jirriżenja.

Fl-ittra tar-riżenja iegħu, Arrigo kien attakka l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u qal li l-Kap Adrian Delia kellu tsunami kontrih.
Arrigo kien kiteb, “Il-grupp parlamentari għamel ħajjet kulħadd miżerja bil-għan li jkissru aktar milli joħolqu xi ħaġa. Fl-aħħar mill-aħħar kissru l-partit tagħna”.

Huwa kompla juri l-uġigħ u l-għadab tiegħu għall-fazzjoni ta’ Busuttil u fisser dawn l-aħħar tletin xahar bħala diżastrużi.

Fl-ittra mimlija akkużi diretti lejn id-deputati tal-fazzjoni ta’ Busuttil, Arrigo kien qal, “Komplu bbojkottjaw l-attivitajiet ħalli jgħaġġel il-proċess tal-impossibiltà li jinqered il-partit.”

Iżda hekk kif se jiskadi ż-żmien meta ħabbar li se jitlaq, Arrigo għamel u-turn u qal li se jibqa’ Viċi Kap u anki teżorier tal-Partit li jinsab f’qagħda finanzjarja mwiergħa.

Fil-fatt fl-aħħar ġimgħat, Arrigo kien qed jieħu l-ordnijiet għax-xirijiet tal-bajd, il-laned tat-tonn taż-żejt u l-ħobż imqatta’ u li minn dawn ix-xirjiet huwa kkonferma li l-partit ta’ Adrian Delia qed jagħmel qligħ ta’ 15%.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend