ARA: Dak li kien jgħix f’dar tas-seklu 19 jitkellem dwar it-tifkiriet ta’ tfulitu – One News

Notifiki

ARA: Dak li kien jgħix f’dar tas-seklu 19 jitkellem dwar it-tifkiriet ta’ tfulitu

Dar storika li nbniet fis-seklu 19 f’Birkirkara ġiet salvata minn żvilupp li kien se jaraha tinbidel f’diversi appartamenti u kumpless ta’ garaxxijiet.

L-Awtorità tal-Ippjanar qablet b’mod unanimu u ċaħdet dan l-iżvilupp fil-qalba ta’ Birkirkara, li l-perit tal-proġett kien l-eks Ministru Nazzjonalista għall-Ambjent George Pullicino.

F’din id-dar, fi Triq Santa Rita, għex għal tlieta u għoxrin sena, il-kummentatur sportiv, Alfred Attard.

Alfred jew Fredu kif isibuh bosta Karkariżi qalilna kif  qatta’ tfulitu u żgħożitu f’din id-dar li tagħtu esperjenzi sbieħ fosthom meta kien jagħti bil-ballun barra d-dar ma ġirien tamparu.

Huwa qal: “Fil-bitħa, illi kellha ħnejja jiġifieri dik waħda mil-lasti u faċċata kien hemm bieb, kanna tal-ilma mhux tal-plastic imma tal-ħadid u dik lasta oħra, allura konna nilagħbu l-futbol hemmhekk it-tfal kollha tal-isqaq kollha jiġu hemmhekk, konna nagħmlu tournaments.”

Semma kif id-dar hija kkaratterizzata minn kmamar kbar b’ħafna turġien garigor.

Semma wkoll karratteristika sabiħa mal-faċċata, fejn hemm niċċa ta’ San Ġużepp.

Fredu kompla jispjega: “Hemmhekk hemm San Ġużepp u hemm lapida bil-Latin, li qatt ma fhimt x’inhi, imma sirt naf li din tgħid li kull persuna li tgħaddi min hemm triq tieqaf u tgħid jew tagħmel ġest lejn l-istatwa.”

Il-lapida li semma s-Sur Attard tmur lura għall-elf tmien mija sitta u tmenin meta Monsinjur Antonio Mario Buhagiar kien ta l-indulġenzi.

B’sens ta’ nostalġija, Attard qal kif id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar kienet waħda pożittiva u laqaha b’idejh miftuħa.

Fredu kompla jgħid: “Kienet deċiżjoni tajba għal raġuni illi dawn il-postijiet f’Malta hemm bżonn li nibgħqu nżommuhom għaliex il-kultura tagħna, l-ambjent tagħna inkella jkun qiegħed jisparixxi bil-mod il-mod.”

L-oġġezzjonijiet għall-iżvilupp waslu wkoll mis-Sovrintendenza tal-wirt kulturali.

Id-dar tinsab f’parti antika ta’ Birkirkara, ftit metri ‘l bogħod mill-Kolleġġjata tal-Knisja Parrokjali ta’ Sant’Elena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend