Iffirmat ftehim għal żewġ ċentri ta’ kordinament biex jiġi miġġieled it-traffikar uman – One News

Notifiki

Iffirmat ftehim għal żewġ ċentri ta’ kordinament biex jiġi miġġieled it-traffikar uman

Il-Gvern Malti u dak Libjan rikonoxxut mill-Ġnus Magħquda, iffirmaw ftehim sabiex jistabbilixxu ċentru ta’ kordinament fil-pajjiżi rispettivi sabiex jiġi miġġieled it-traffikar uman u l-immigrazzjoni llegali.

Il-ftehim iffirmat bejn il-Prim Ministru Malti Robert Abela u dak tal-Gvern t’għaqda nazzjonali, Fayez al-Sarraj wasal waqt laqgħa li saret bejn iż-żewġ mexxejja fi Tripli fil-Libja, fl-ewwel żjara fil-pajjiż tal-Prim Ministru Abela.

Il-ftehim jitkellem ukoll dwar kif pajjiżna jappoġġja lil-Libja fl-Unjoni Ewropea fid-diskussjonijiet għall-għajnuna finanzjarja fosthom fil-baġit Ewropew li jmiss.

Matul il-laqgħa ż-żewġ mexxejja tkellmu dwar l-isfidi bla preċedent u sproporzjonati li l-immigrazzjoni llegali ħolqot fil-Mediterran, fosthom fuq Malta.

Iż-żewġ mexxejja tkellmu dwar il-bżonn ta’ koperazzjoni iżjed b’saħħitha biex ma jintilfux il-ħajjiet u jkunu miġġielda t-traffikanti tal-bnedemin, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Libjan li tmien mitt elf immigrant waslu fil-Libja minn pajjiżi oħra u jinsabu lesti li jaqsmu l-Mediterran.

Dr Abela fisser kif b’riżorsi limitati pajjiżna dejjem irrispetta l-obbligazzjonijiet internazzjonali tiegħu fuq livell umanitarju iżda Malta ma tistax iġorr dan il-piż waħidha. Qal li pajjiżna se jaħdem ma’ pajjiżi Ewropej biex ikunu appoġġjati dawk il-pajjiżi Mediterranji li għandhom ir-riżorsi għal din l-isfida.

Fakkar li s-soluzzjoni qiegħda fil-Libja, permezz tat-twaqqif tat-traffikar uman milli soluzzjonijiet temporanji bħar-rilokazzjoni ta’ immigranti lejn pajjiżi oħra.

Fakkar li l-immigrazzjoni rregolari tolqot kemm lil Malta u lil-Libja u għaldaqstant iż-żewġ naħat iridu jaħdmu flimkien bħala katalisti għal soluzzjoni tant mistennija.

Fil-kapitali Libjana l-Prim Ministru Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend