Miexi ġmielu x-xogħol fuq binja li ser tinbidel f’saqaf għal 26 familja – One News

Notifiki

Miexi ġmielu x-xogħol fuq binja li ser tinbidel f’saqaf għal 26 familja

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar żewġ siti li fihom qegħdin jibnew appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Kirkop. Ix-xogħol tal-ġebla f’dawn iż-żewġ siti jinsab fi stadju avvanzat. Is-siti li jinsabu fi Triq Salvu Sacco u Triq il-Fieres se jinbidlu f’saqaf għal 26 familja li huma ġenwinament fil-bżonn. Dawn il-proġetti huma maħsuba sal-inqas dettall u jħarsu wkoll iż-żoni u r-residenti tal-madwar.

Fil-fatt, il-proġett fi Triq Salvu Sacco mhux biss se joffri tmintax-il appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid iżda jinkludi ukoll żona komuni ta’ 150 metru kwadru.L-appartamenti qegħdin jinbnew f’sit mifrux fuq medda ta’ 500 metru kwadru, u kollha se jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.

Il-proġett fi Triq il-Fieres, fl-istess lokalità, se jkun qiegħed joffri 8 appartamenti ġodda u sitt garaxxijiet li qegħdin jinbnew fuq sit ta’ 370 metru kwadru. Dawn l-appartamenti spazjużi huma wkoll aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà u li fil-maġġoranza tagħhom jinkludu tliet kmamar tas-sodda.

Il-Ministru Roderick Galdes spjega li meta wieħed iżur dawn is-siti jinnota d-dettall li qegħdin jinkludu dawn il-proġetti. Dan bil-għan li dawn il-binjiet ikunu ta’ kwalità, sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd. Huwa żied jgħid li “dawn il-binjiet ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali se jkunu qegħdin jagħmlu differenza importanti fil-ħajja ta’ dawk il-familji ġenwinament fil-bżonn u se jwasslu wkoll għal avvanz soċjali f’pajjiżna. Fil-fażi tal-ippjannar assigurajna wkoll li jkunu jħarsu l-bżonnijiet tal-komunità tal-madwar biex anke nkomplu niffaċilitaw l-integrazzjoni tar-residenti fis-soċjetà.”

Sostna wkoll li “l-progress fix-xogħol tal-ġebla nqisuh bħala importanti għax inħarsu lejh bħala l-bażi li fuqha se jkunu jistgħu jibdew jibnu ħajjithom il-familji fil-bżonn biex jibdew it-triq tal-mobbiltà soċjali.”

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay sostna li “mira ewlenija tal-Awtorità tad-Djar hija li tindirizza l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali. Huwa ta’ sodisfazzjon li x-xogħlijiet f’dawn is-siti qegħdin jipprogressaw b’ritmu mgħaġġel sabiex nagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja ta’ dawk li se jkunu qegħdin jibbenefikaw minnhom.”

Huwa kkonkluda billi fakkar fl-iskemi li introduċiet l-Awtorità tad-Djar fl-aħħar xhur bil-għan li tindirizza faxex differenti tas-soċjetà. Huwa rrefera għal dawn l-iskemi u l-bini ta’ housing soċjali bħala pass importanti fit-triq biex dawn il-familji, pass wara pass, ma jibqgħux dipendenti fuq il-Gvern u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend