Fil-pandemija l-ġudikanti tħallew jaħdmu liberi b’mezzi virtwali – One News

Notifiki

Fil-pandemija l-ġudikanti tħallew jaħdmu liberi b’mezzi virtwali

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza jikkonferma li matul il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19, minkejja l-għeluq tar-Reġistri tal-Qrati ta’ Malta, il-ġudikanti tħallew liberi li jużaw liema mezzi jħossuhom komdi bihom huma, inklużi dawk virtwali u onlajn, biex ikomplu bil-ħidma limitata tagħhom.

Il-Ministru Zammit Lewis faħħar lill-ħaddiema tal-Qorti għall-mod li bih komplew il-ħidma tagħhom matul il-pandemija. Tajjeb li jiġi nnutat li mindu reġgħu nfetħu r-Reġistri tal-Qorti, in-numru ta’ Atti li ġew mgħoddija hu kważi daqs dak tas-sena li għaddiet – turija ċara li x-xogħol fil-Qrati baqa’ għaddej b’mod normali minkejja l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-istess ħaddiema.

Fis-snin li għaddew iddaħħlu għadd ta’ miżuri onlajn. Fost dawn ir-reġistrazzjoni ta’ Atti onlajn fuq is-sit ecourts.gov.mt. Dan flimkien ma’ miżuri oħra, bħall-fatt li d-Dritt tar-Reġistru u l-multi kemm fiċ-ċivil u kemm fil-kriminal jistgħu jitħallsu onlajn, u li meta tinħareġ notifika l-avukat jiġi notifikat permezz ta’ email bl-eżitu tal-istess notifika.

It-traskrizzjonijiet tax-xhieda wkoll jintbagħtu permezz ta’ email u jintbagħat ukoll avviż ħamest ijiem qabel is-seduta, fejn il-partijiet jiġu mfakkra bl-istess seduta.

Fil-ġimgħat li ġejjin, b’kontinwità mat-tnedija tal-website Legislation.mt, li permezz tagħha komplew jiġu modernizzati s-sistemi tal-Qrati tal-Ġustizzja ta’ pajjiżna, se jitħabbru t-tnedija u r-rinnovazzjoni ta’ websites oħra ġodda, bil-għan li l-Qrati u s-sistemi legali tagħna jsiru aktar diġitali.

L-istqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni hi waħda prematura, insensittiva u mhux qed tirrikonoxxi l-mod prudenti u gradwali li bih qed jaħdem il-gvern sabiex iwassal il-Qrati tal-Ġustizzja tagħna għan-normalità.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja se jibqa’ jaħdem sabiex, għalkemm fl-aħħar ġimgħat saru passi tajba ’l quddiem, il-Qrati tal-Ġustizzja jiġu għan-normalità u dan għall-benefiċċju taċ-ċittadin li għandu jkun dejjem iċ-ċentru ta’ kull inizjattiva li nieħdu u dejjem b’rispett għall-prudenza u kawtela li huma meħtieġa f’dawn iż-żminijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend