Restawrata l-Knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera – One News

Notifiki

Restawrata l-Knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera

Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata u l-kampnar tal-Knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera b’investiment ta’ €59,000.

Ix-xogħlijiet saru mid-direttorat tar-restawr permezz tal-iskema ta’ restawr maħruġa lill-kunsilli lokali.

Peress li l-knisja bi stil neo-klassiku tinsab fi triq traffikuża, id-dħaħen tal-karozzi u t-tniġġis tal-arja ffurmaw qoxra sewda fuq il-gwarniċi fost oħrajn, kif ukoll il-kampnar kellu ħsara b’ġebel nieqes fil-parti ta’ fuq u bil-balavostri mmermrin.

Il-Perit inkarigata minn dan ir-restawr Jean Frendo spjegat li saru diversi proċessi għat-tindif tal-faċċata, fejn kien sfida sabiex titnaddaf mingħajr ma ssir ħsara.

Huwa spjega: “Użajna mpakki, kimika apposta li kienu f’kuntatt mal-ġebla għall-perjodu ta’ ħin biex b’hekk kienu qed jassorbu l-ħmieġ u b’hekk il-ġebla tnaddfet mingħajr ma tlifna mill-materjal oriġinali. Bdilna wkoll il-belavostri tal-kampnar u anka xi ġebel mmermer u bdilna wkoll is-salilb għax li sibna kien tal-konkrit u mhux wieħed oriġinali.”

Fi żjara l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera qal li dawn il-proġetti qed jsiru bi ftehim mal-kunsilli lokali u faħħar lill-kunsill lokali li qed jieħdu dawn ix-xorta ta’ inizjattivi.

Il-Ministru Herrera ħabbar li l-Ministeru tiegħu qed jaħdem fuq skema oħra ta’ din ix-xorta u ser titnieda dalwaqt sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar proġetti ta’ restawr ta’ dan it-tip.

Intant ir-Rettur tal-Knisja wera s-sodisfazzjon li l-knisja gawdiet minn dan l-investiment.

Huwa stqarr: “Jiena grat ħafna u għan-nom tal-Knisja rrid nirringrazzja lill-Gvern li attivament ħa ħsieb li dan ix-xogħol, restawr isir vera tajjeb. Grazzi mmens.”

Min-naħa tiegħu, is-sindku ta’ Santa Venera Stephen Sultana rringrazzja lid-direttorat tax-xogħol u l-Ministeru talli ħadu ħsieb ir-restawr ta’ din l-ikona f’Santa Venera.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend