“Ma flaħtx noqgħod iżjed mingħajrha” – Koppja li ilhom miżżewġin 60 sena jerġgħu jiltaqgħu minn wara l-ħġieġ – One News

Notifiki

“Ma flaħtx noqgħod iżjed mingħajrha” – Koppja li ilhom miżżewġin 60 sena jerġgħu jiltaqgħu minn wara l-ħġieġ

B’telefonata fl-uffiċini tal-Customer Care ta’ San Vinċenz de Paul, jibda l-proċess biex il-qraba tal-anzjani fir-residenza, ikunu jistgħu jżuruhom, hekk kif mit-Tnejn, reġgħu bdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani.

Dejjem qed jingħata l-parir biex min ikollu appuntament, jasal kwarta qabel ħalli jżomm mal-ħin skedat.

Kull persuna li jingħatalha appuntament, ikollha spazju għal parkeġġ riservat, fejn imbagħad jibda l-proċess ta’ reġistrazzjoni.

ONE News tkellem ma’ Lauren Pulis li tieħu ħsieb  l-appuntamenti, hija qalet: “Importanti li n-nies iġibu l-ID Card magħhom ta’ kull persuna li hija booked għal dan l-appuntament, nikkonfermawh waqt ir-registration, jingħata pass, wara imorru fl-area fejn tiġi ċċekkjata t-temperatura u jiġu mistoqsija xi affarijiet rigward saħħa tagħhom, imbagħad ikun hemm ix-shuttle service għall-point ta’ fejn l-anzjani.

Fl-ewwel jum taż-żjarat mill-ġdid, spikkat l-emozzjoni tal-qraba li wara xahrejn u nofs, reġgħu raw lil dawk l-aktar għeżież għalihom, anki jekk f’normalità ġdida minn wara l-ħġieġ.

Pulis sostniet: “Il-maġġoranza tal-qraba qegħdin joħorġu minn ħdejn l-għeżież tagħhom bid-dmugħ f’għajnejhom għax tant qed ikunu emozzjonati għall-fatt li wara xahrejn u nofs reġgħu raw lill-għeżież tagħhom għall-ewwel darba.”

Fost dawn kien hemm Emanuel Cortis – ir-raġel ta’ Dolores. Huwa qal: “Viċin tagħha aħjar kieku imma la hu hekk, hekk hux.”

Emanuel u Dolores ilhom miżżewġin 60 sena, u qatt ma qagħdu ġurnata ‘l bogħod minn xulxin. Kellu jkun il-Coronavirus, li jċaħħadhom milli jkun qrib xulxin għal aktar minn xahrejn.

Huwa saħaq: “Ma nistax nimmaġina li nibqa’ ma narahiex.”

Binthom Angele tirrakkonta kemm ħasset in-nuqqas ta’ ommha fl-aħħar xahrejn, u kemm issa hija kuntenta li tista’ terġa’ tibda żżurha.

Hija qaltilna: “Konna ilna ħafna ma narawha, kif inhi, konna qed narawha fuq it-tablet imma aħjar taraha fil-viċin.”

Irrikonoxxiet li ż-żjarat ma kinux qed isiru għall-ġid ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, imma stqarret li l-firda hija kiefra wisq.

Angele saħqet: “Qalet li speċi jien irrid immisskom, irrid ngħannaqkom, imma naqra heartbreaking naraha jien imma aħjar mix-xejn.”

Kull min jixtieq jagħmel appuntament għal żjara f’San Vinċenz, jista’ jċempel fuq in-numru 22912373, mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-6:30 ta’ filgħaxija.

Biex tagħmel appuntament:

ċempel fuq 2291 2373
mit-Tnejn sal-Ħadd
08:00-18:30

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend