Adrian Delia jgħid li qed naqgħu lura fir-rankings – One News

Notifiki

Adrian Delia jgħid li qed naqgħu lura fir-rankings

L-għada li l-ekonomija rċeviet konferma oħra pożittiva minn Aġenzija Ġermaniża tal-kreditu, Adrian Delia baqa’ jsostni li pajjiżna qed jaqa’ lura fir-rankings.

Delia qal dan sigħat wara li l-aġenzija internazzjonali Creditreform saħqet f’rapport li Malta se tibqa’ b’rating A+ u prospetti stabbli.

Dan apparti li l-Fond Montetarju Internazzjonali u rapporti tal-Kummissjoni Ewropea sostnew li pajjiżna se jieħu l-inqas daqqa ekonomika mill-pandemija u se jirkupra fi ftit xhur.

Intant filwaqt li sa din il-ġimgħa l-Gvern nefaq aktar minn għaxar miljun ewro f’benefiċċji soċjali lil dawk milquta mill-pandemija, Delia baqa’ għaddej bl-istess kantilena.

Saħansitra Delia qal dikjarazzjoni surreali fejn il-Gvern jikkompeti man-negozji, anki jekk Columbia University, università rinomata fl-Amerka sostniet li l-pakkett t’għajnuna ta’ Malta għan-negozji u l-ħaddiema huwa l-aqwa wieħed fid-dinja.

Fuq l-istazzjon imbagħad Delia, b’wiċċu ‘il quddiem ftaħar bil-bini tal-isptar Mater Dei taħt Gvern Nazzjonalista li kien mifni bi skandli fosthom li sar magħruf li partijiet minnu nbena f’konkos difettuż.

Il-konkos difettuż wassal biex mit-taxxi tal-poplu jitħallsu mal-mija u ħamsin miljun ewro wara li l-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi ffirma rinunzja sabiex il-kumpanija Skanska, li bniet l-Isptar Mater Dei, ma tkunx responsabbli għal difetti li setgħu jinqalgħu fil-bini tal-isptar.

Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni  qal li dwar il-governanza tkellem mar-Repubblika, l-għaqda b’esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li kontinwament tfakkru li hu għadu ma qgħadx għall-investigazzjoni fuq l-allegazzjonijiet serji li għamlitlu Daphne Caruana Galizia; li fetaħ kont bankarju f’Jersey u li daħħal fih flus ġejjin mill-prostituzzjoni.

Fuq ir-riformi tal-Kummissjoni Venezja fejn saħansitra anki l-Kamra tal-Avukati nnutat il-pass fid-direzzjoni t-tajba fil-proposta tal-Gvern dwar il-mod ġdid tal-ħatra tal-ġudikanti, Delia wkoll kien negattiv.

Tul l-intervista, Delia kien anki negattiv u ħambaq fuq il-proċess tal-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija, anki jekk dan il-proċess huwa mhux biss konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja iżda anki jmur pass ‘il quddiem hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela reħa minn idu l-poter li jagħżel direttament hu min jokkupa l-ogħla kariga fil-korp.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend