Riforma ambjentali fid-Development Planning Fund  – One News

Notifiki

Riforma ambjentali fid-Development Planning Fund 

Riforma ambjentali fid-Development Planning Fund se twassal għall-iżvilupp ta’ aktar proġetti ambjentali fil-lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Il-bidliet f’dan il-fond għandhom l-għan li jixprunaw l-iżvilupp ta’ proġetti ambjentali mill-Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux governattivi.

Għall-ewwel darba, proġetti ambjentali fuq l-art u fil-baħar f’żoni urbani se jkunu eliġibbli għal finanzjament ta’ mija fil-mija, u meta benefiċċjarju jagħmel xogħol ta’ ħitan vertikali ħodor li jħarsu fuq spazji pubbliċi, l-iskema tkopri wkoll sa mija u ħamsa fil-mija tal-ispejjeż tal-manutenzjoni.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali, is-Sur Mario Fava spjega: “Kien qed ikun problemi għal ċertu Kunsilli Lokali li ħabba l-co-financing ma kinux jistgħu jagħmlu ċertu proġetti u għaldaqstant il-fatt li issa mhux se nibqgħu nieħdu 70% imma l-possibilità ta’ 80%, 90% u anki 105% għal ċertu proġetti, dan ħa jgħin biex il-Kunsilli Lokali jkollhom aktar finanzjament għall-proġetti nfushom.”

Għall-ewwel darba, il-Kunsilli Lokali se jkollhom is-sigurtà tal-allokazzjoni finanzjarja għall-proġett tagħhom, fl-istess waqt li għaqdiet mhux governattivi se jkollhom 20% tal-fondi kollha fl-iskema allokati direttament għalihom.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, is-Sur Martin Saliba qal: Bil-fondi li hemm allokati, ħa ninċentivaw Kunsilli biex iressqu iktar proġetti, kemm il-kunsilli anki għaqdiet ambjentali jew għaqdiet non-governattivi.”

Il-finanzjament għal proġetti immirati għal persuni b’diżabilità se jiżdied b’10%, u kull kunsill se jiżdiedlu l-limitu massimu minn 5miljuni għal 7 miljuni.

Dr Claire Bonello saħqet: “L-NGOs ħa jkunu jistgħu jagħmlu ċertu proġetti, il-Kunsilli Lokali wkoll ħa jibbenefikaw u jkunu jistgħu minn issa ‘l quddiem jagħmlu proġetti ta’ portata ikbar mhux kellhom dak in-nuqqas ta’ fondi allura kienu limitati għal ċertu proġetti forsi żgħar u bla effett, u wkoll it-third parties jistgħu jibbenefikaw minn dan il-proġett allura dan huwa pass pożittiv ħafna.”

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dawn il-bidliet huma parti mill-kunċett ta’ ppjanar u viżjoni ambjentali fit-tul għal-lokalitajiet ta’ pajjiżna.

L-Onor. Farrugia sostna: “Dawn huma parti minn skemi li qed nintroduċu fil-pajjiż biex il-lokalitajiet tagħna nkomplu nħaddruhom u huma parti mill-kunċett tagħna ta’ green your life u grey to green.”

Ritratt: MTCP

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend