Infrastruttura Malta tniedi l-proġett tal-junction ta’ Ħal Luqa – One News

Notifiki

Infrastruttura Malta tniedi l-proġett tal-junction ta’ Ħal Luqa

Is-sena d-dieħla se jingħata bidu għal proġett li se jara r-roundabout prinċipali ta’ Ħal Luqa tiġi eliminata, u minflokha jinbnew flyover, mina taħt l-art, u korsiji għall-mixi u għar-roti.

Dawn se jipprovdu konnessjonijiet diretti bejn tliet toroq arterjali, jiġifieri Triq San Tumas lejn Ħal Qormi, Triq il-Kunsill tal-Ewropa minn Santa Luċija u l-Marsa, u Vjal l-Avjazzjoni, li jwassal għall-Gudja, Birżebbuġa, il-Mini ta’ Ħal Kirkop, l-Ajruport u l-Port Ħieles.

Il-mina ġdida b’korsija waħda se tkun twila 60 metru u fonda aktar minn ħames metri. Din se tgħaqqad żewġ karreġġati b’tali mod li dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn Santa Luċija, ikunu jistgħu jibqgħu sejrin lejn Ħal Qormi mingħajr il-bżonn li jaqsmu minn quddiem karozzi li jkunu sejrin lejn l-Ajruport.

Il-proġett ta’ Infrastruttura Malta se jibdel ukoll medda kbira ta’ art fi spazju miftuħ ta’ madwar 5,900 metru kwadru, li l-biċċa l-kbira minnu se jsir post pubbliku ta’ rikreazzjoni, b’siġar u passaġġi, u b’aċċess faċli biex tasal għalih bil-mixi miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa.

Ir-roundabout eżistenti f’Ħal Luqa tara kważi 16,000 persuna jivvjaġġaw minnha kull siegħa fl-eqqel ħinijiet ta’ filgħodu u waranofsinhar.

Il-Ministru Ian Borg saħaq fuq l-importanza ekonomika tal-proġett, fid-dawl li din hija rotta ewlenija għall-Ajruport u l-Port Ħieles.

Huwa spjega: “L-importanza li din mhux biss għall-vetturi li se jkunu qed jiffrankaw 70% fl-ivvjaġġar tagħhom, mhux biss għax ħa noħolqu ħamest itmiem ta’ spazji miftuħa u spazji pubbliċi u anki rotot għal min irid jimxi jew isuq ir-rota, imma fuq kollox anki mill-aspett ekonomiku.”

Dan il-proġett se jsir b’kordinament ma’ proġett ieħor ftit ‘il bogħod fir-roundabout tal-Ajruport, li flimkien ifissru kważi 75% inqas ħin fl-ivvjaġġar f’dawn ir-rotot ewlenin.

Fl-istess waqt, se jwasslu wkoll għal titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ajra. Fil-fatt huwa stmat li se jnaqqsu għexieren ta’ tunellati ta’ emissjonijiet fl-arja kull sena.

Il-Ministru spjega li ż-żewġ proġetti se jsiru gradwalment biex ikun hemm l-inqas inkonvenjent possibbli.

Huwa sostna: “Ma tistax inti tibda t-tnejn li huma f’daqqa bil-konsegwenza li għal numru ta’ xhur ikollok konfużjoni sħiħa. Kif qed nagħmlu fi proġetti oħra, u n-nies qed japprezzaw, ħa nkunu kordinati u organizzati.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend