Delia jattakka lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku – One News

Notifiki

Delia jattakka lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia nfexx jattakka l-proċess tal-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Fuq l-istazzjon tiegħu, Delia attakka lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku għax qal li fuq dan l-organu Kostituzzjonali, il-Gvern għandu l-maġġoranza.

Delia stqarr: “Il-PSC le m’għandniex ħamsin fil-mija għax għandna rappreżentanza ta’ tnejn imma chairman magħżul mill-Gvern.”

Iżda Delia kien skorrett għaliex fuq din il-Kummissjoni awtonoma li fiha ħames membri, hemm żewġ membri nominati mill-Gvern, żewġ membri oħra magħżula mill-Oppożizzjoni u ċ-chairman huwa maħtur bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għal darb’oħra Delia kompla jitfa’ dubji fuq din il-Kummissjoni indipendenti li propju bħalissa għaddejja bi proċess trasparenti bla preċedent li mhux biss huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja iżda jmur pass ‘il quddiem hekk kif il-Prim Ministru reħa l-veto minn idu dwar l-għażla tal-ogħla kariga fil-korp.

“Iċ-Chairman magħżul mill-Gvern mela allura l-Gvern qed jagħżel, il-Prim Ministru qed jagħżel.”

Delia kompla: “Ħa jagħżlu l-Prim Ministru.”

Filwaqt li s-Sibt filgħodu, Delia wera nuqqas ta’ fiduċja fil-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, sa ħames xhur ilu kien qed jgħid mod ieħor.

Meta mistoqsi: “Jiġifieri biex nara jekk fhimtekx sew inti fil-kummissjoni għandek fiduċja? Delia wieġeb:” Fil-kummissjoni għandi fiduċja.”

Intant l-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet mhux ċerta jekk hux se tipparteċipa fi skrutinju parlamentari tant importanti fuq min se jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Mistoqsi dirett għal darb’oħra, Delia dar mal-lewża u baqa’ ma qalx x’se jagħmel.

Meta l-ġurnalist qallu: “Se tieħu sehem, tipparteċipaw u ssaqsi dak nominat għall-Kummissarju tal-Pulizija.”

Huwa qal: “Jien għadni kurjuż.”

Intant il-Kap Nazzjonalista reġa’ beda’ jħambaq li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament anki jekk il-proċess issa huwa approvat mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Mistoqsi biex imqar ilissen pajjiż wieħed fl-Ewropa li jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija biż-żewġ terzi, Delia nqabad fuq sieq waħda.

Meta kien mistoqsi: “Tista’ tgħidli f’liema pajjiż Ewropew jintuża it-two thirds?”

“Fl-ebda pajjiż m’hemmx il-ħtieġa”, stqarr Delia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend