Serviet l-ewwel kafè u pastizz lill-klijent li serviet l-aħħar aktar minn xahrejn ilu – One News

Notifiki

Serviet l-ewwel kafè u pastizz lill-klijent li serviet l-aħħar aktar minn xahrejn ilu

Il-Ġimgħa, il-jum li ħafna kienu ilhom jistennew.

It-toroq ta’ Malta u Għawdex donnhom reġgħu bdew jieħdu r-ruħ u bosta, b’ilbies protettiv, ħarġu minn djarhom sabiex ftit ftit jerġgħu jibdew jgħixu n-normalità l-ġdida. 

Fil-jum li pajjiżna għamel pass il’quddiem u taffa mir-restrizzjonijiet b’rabta mal-pandemija, ir-raġġi tax-xemx ta’ Mejju ksew il-bini storiku li jdawwar il-Belt Valletta, b’uħud reġgħu ntefgħu jitpaxxew fuq l-imwejjed tal-kafeteriji fil-Kapitali.

“Ninsabu hawnekk fil-Belt Valletta fejn sa ftit ġranet ilu l-ebda ristorant jew kafeterija ma setgħu joħorġu l-imwejjed barra għall-pubbliku, iżda wara li ġew rilaxxati diversi miżuri b’rabta mal-imxija n-nies donnhom ħarġu bi ħġarhom sabiex wara jiem id-dar jerġgħu jpoġġu bilqiegħda fuq mejda għax-xemx jieħdu tazza te jew kafè.

Kien hemm ukoll min ħareġ biex waqt li jgħid kelmtejn wara diversi jiem id-dar, jieħu żewġ pastizzi fi Triq ir-Reppubblika.

“Ġejt hawnekk ħadt Kafe żewġ pastizzi u niżluli għasel…ifhimni iebsa kienet u għadha ftit imma dejjem ittaffi naqra u tieħu r-ruħ.

Il-wejters tar-ristoranti u l-ġelateriji wkoll ħadu r-ruħ hekk kif wara diversi jiem mingħajr xogħol, bi tbissima u entużjażmu reġgħu bdew jaqdu lill-klijenti tagħhom…. b’waħda minnhom tgħidilna li l-aħħar klijent ta’ xahrejn ilu kien l-ewwel klijent tagħhom il-Ġimgħa filgħodu.

“Inzerta l-ewwel wieħed li servejt kien l-aħħar wieħed bniedem qabel ma ddeċidejna li nagħlqu ta’ malajr u ġie l-anzjan għall-kafe u pastizz u llum inzerta l-ewwel wieħed li erġajna bdejna bih….Aħna ferħanin li erġajna ftaħna u ovvjament ser nibqgħu pożittivi biex in-nies jerġgħu jibdew joħorġu u r-rota tibda ddur.”

U fil-jum tal-Ġimgħa anki Benny li flimkien ma’ Tonia kien jallegra lin-nies fit-toroq reġa’ deher janima lil dawk mexjin.

“Jien mingħajr mużika ma ngħaddix u kien ħa jaqbadni breakdown ħa ngħidlek. Xahrejn id-dar hu anzi d-dar qatt ma għamilt xejn f’ħajti bajjadt id-dar kollha pero daqxejn mużika l-Belt tajba.”

Fil-ġurnata tal-Ġimgħa taħt diversi protokolli bdew joperaw ukoll diversi stilisti tax-xagħar, lukandi, stabbilimenti oħra tal-ikel u ħwienet tas-sbuħija. Rilaxxar ta’ miżuri li ntlaqgħu b’mod tajjeb mis-settur turistiku u ekonomiku. Miżuri li ser jerġgħu jibdew idawru r-rota ekonomika.

F’Tas-Sliema spikkaw ukoll il-ħwienet miftuħin u min jieħu xi pinta birra u oħrajn ilegilgu l-inbid.

Evidenti f’bajjiet prominenti madwar il-pajjiż kien hemm ukoll diversi nies li waqt li niżlu jiffriskaw f’baħar kalm, obdew il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u żammew d-distanza. Saħansitra xi operaturi ramaw ukoll id-deckchairs b’tali mod li tinżamm id-distanza ta’ żewġ metri.

Xi wħud qasmu wkoll il-fliegu u rħewla għall-Gżira tat-tliet għoljiet, dan jiem qabel mal-Kumpanija Gozo Channel tibda topera bl-iskeda normali tas-Sajf.

Isewgu dawn il-miżuri hemm dawk marbuta mal-pompi tal-petrol f’Malta u f’Għawdex, hekk min-nhar it-Tnejn li ġej se jiġu estiżi l-ħinijiet tal-operat tagħhom.

ll-ħinijiet il-ġodda se jkunu mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-sitta ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ wara nofsinhar, filwaqt li s-Sibt se jsiru mis-sitta ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.

Intant, f’dan il-jum, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, żaru xi stabbilimenti tal-ikel fil-Belt Valletta, fejn hemmek ġew milqugħha minn diversi sidien li faħħru l-ħidma tal-Gvern u l-passi bil-galbu li qed jieħu favur Malta u l-Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend