Malta tappoġġja l-kontinwità u l-investiment f’Ewropa kulturali vibranti – One News

Notifiki

Malta tappoġġja l-kontinwità u l-investiment f’Ewropa kulturali vibranti

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera pparteċipa f’video conference tal-Ministri tal-Kultura u l-Awdjoviżiv tal-Unjoni Ewropea, organizzata mill-Presidenza Kroata tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq is-setturi kulturali u kreattivi.

Il-Ministru Herrera enfasizza li minkejja li Malta qiegħda tiżgura li qed ikun hemm biżżejjed investiment fil-qasam kulturali online, dan mhux se jkun biżżejjed fit-tul peress li l-inizjattivi kulturali tradizzjonali għandhom jiġu appoġġjati kif huwa meħtieġ u neċessarju. Huwa spjega li waqqaf kumitat ad hoc biex jistabbilixxi viżjoni ta’ liema tip ta’ futur diġitali u liema modi ta’ diġitizzazzjoni għandu jkollna. F’din il-viżjoni, id-diġitizzazzjoni se titqies bħala pilastru ewlieni biex jgħinna ntaffu l-kriżi attwali u r-realtà l-ġdida li ser issegwi. F’dan ir-rigward, Heritage Malta qed taħdem fuq esperjenzi awtentiċi online, kemm f’termini ta’ kontenut iżda wkoll f’termini tal-mod li bih jiġu mħaddma.

Il-Ministru Herrera stqarr li minn din il-pandemija tgħallimna li s-soċjetà qed tivvaluta aktar l-importanza tal-kultura u l-kreattività, kif ukoll li għandhom jiġu rrekordjati u arkivjati avvenimenti kulturali ewlenin li huma organizzati matul is-sena. Huwa spjega li l-Ministeru qed jippjana l-passi li jridu jieħdu għall-perjodu li jmiss, li jkun strutturat fuq il-linji gwida stabbiliti mill-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, filwaqt li qed jikkunsidraw ukoll l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra li qed jieħdu f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Herrera tenna li l-Ministeru tiegħu qed jevalwa l-programmi, l-iskemi, l-inizjattivi u s-servizzi kollha ta’ finanzjament disponibbli li jappoġġjaw is-setturi kulturali u kreattivi, sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi ġodda. Qed jaħdmu wkoll fuq programmi ta’ taħriġ biex jiġi indirizzat dan in-normal il-ġdid. Huwa semma wkoll li l-Arts Council Malta intensifikat ir-riċerka u l-istħarriġ tagħħa sabiex tifhem, tissorvelja u tevalwa l-impatt ta’ din il-pandemija u dan ser iwassal għal deċiżjonijiet aħjar.

Il-Ministru Herrera temm billi stqarr li d-dikjarazzjoni appoġġjata minn Malta u Stati Membri oħra, tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità fl-appoġġ ta’ diversità kulturali vibranti fl-Ewropa u għaldaqstant il-Programm Ewropa Kreattiva għandu jgħin f’dan ir-rigward. Huwa enfasizza li b’mod kollettiv għandhom jiżguraw li l-ebda stat membru ma jitħalla waħdu matul dawn iż-żminijiet mingħajr preċedent.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend