Madwar 120 immigrant oħra bdew jinżammu fuq il-bastimenti tal-Captain Morgan wara li fl-aħħar jiem żewġ dgħajjes oħra kienu interċettati fl-ibħra Maltin.
B’hekk ħareġ it-tielet bastiment tal-Captain Morgan mili ‘l barra minn Malta.
Fuq id-dgħajjes salvati kien hemm madwar 140 immigrant, li minnhom 19 se jiddaħlu f’Malta għax huma tfal, nisa tqal jew persuni li qed jakkumpanjaw lil dawn it-tfal.
Fi stqarrija l-Forzi Armati ta’ Malta qalu li dawn l-immigrant ġew salvati fil-jum tal-Ħamis.
Malta qed iżomm pożizzjoni soda dwar l-immigrazzjoni fejn fl-aħħar ġimgħat il-Gvern Malti għamel sensiela ta’ talbiet sodi għal għajnuna minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Dan fid-dawl tal-wasliet sostanzjali fl-aħħar xhur u l-ħtieġa li jkun hemm solidarjeta bil-fatti mill-Unjoni Ewropea.
Sa issa kienu biss Franza u l-Portugall li wegħdu li bejniethom jieħdu 36 immigrant.
Issa hemm tliet bastimenti, b’57 immigrant, b’105 immigrant u b’120 immigrant abbord jistennew għal soluzzjoni Ewropea dwar rilokazzjoni.