Jgħinu biex jibqgħu jagħmlu qligħ  – One News

Notifiki

Jgħinu biex jibqgħu jagħmlu qligħ 

Negozji tal-familja f’Malta li tul il-pandemija adattaw ħidmiethom biex jibqgħu jagħmlu l-qligħ qed jintalbu jgħaddu l-esperjenza tagħhom lil negozji oħra biex dawn ukoll itaffu mill-impatt negattiv tal-imxija.

Ir-regolatur għan-negozji tal-familja, l-avukat Joseph Gerada, spjega ma’ ONE News li din il-kampanja ngħatat l-isem One Nation, One Family, u qed issir ukoll fuq inizjattiva Ewropea.

“Il-Kummissjoni Ewropea talbet  lill-għaqda tan-negozji tal-familji tal-Ewropa biex nagħtu eżempji diversi tax-xogħol kollu li sar minn dik li nsejħulha s-sinsla tal-ekonomija lokali u Ewropea- in-negozji tal-familja.”

Dr Gerada spjega li ħafna negozji tal-familja, li jirrappreżentaw mas-70% tal-komunità tan-negozju f’Malta, kellhom itemmu l-operat tagħhom għal ftit minħabba l-Covid-19.

“Kien hemm kumpaniji, per eżempju, li kienu jagħmlu l-ħwejjeġ u bdew jagħmlu maskri. Kien hemm domanda għall-ilbes protettiv, u rrealizzaw li jistgħu jgħinu l-komunità u l-ħaddiema fl-isptarijiet billi jaħdmu l-ilbies protettiv, imma setgħu anke jżommu l-ħaddiema fuq il-kotba tagħhom u jibqgħu għaddejjin.”

Kien hemm ukoll numru ta’ ristoranti li bi sħab ġodda ma’ pjattaformi diġitali qed iwasslu l-ikel lil-klijenti fid-djar.

“U qed nitolbu dawn il-kumpaniji jagħtuna huma l-eżempji tax-xogħol li qed jagħmlu. Ladarba niġbruhom kollha flimkien inkunu nistgħu nagħtuhom anke spazju fuq il-midja. B’hekk, kumpaniji oħrajn jaraw li ħaddieħor b’negozju forsi simili ħafna adatta, u jagħmlu hekk huma wkoll.”

Fuq kollox, ir-regolatur għan-negozji tal-familja saħaq li l-pandemija Covid-19 kellha lezzjoni kruċjali x’tgħaddi lin-negozjanti madwar id-dinja.

Lezzjoni li tgħallmu ħafna negozji hija li tkun kapaċi tadatta u tadatta malajr, hija kruċjali biex in-negozju tiegħek jibqa’ għaddej. Din hija xi ħaġa li naħseb li għandna nillimitawha għal sitwazzjonijiet bħal din biss. Hija sitwazzjoni li għandna nitgħallmu minnha biex inkunu dejjem lesti nadattaw għall-bżonnijiet taż-żminijiet.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend