47 omm u missier spiċċaw il-ħabs wara li ma ħallsux il-manteniment b’pika bejniethom – One News

Notifiki

47 omm u missier spiċċaw il-ħabs wara li ma ħallsux il-manteniment b’pika bejniethom

Il-pika waslet lil diversi ommijiet u missirijiet biex spiċċaw maqfula fiċ-ċella tal-ħabs wara li dawn naqsu milli jħallsu l-manteniment ta’ wliedhom.

Il-Qorti tat sentenza sa massimu ta’ xahrejn ħabs lil għoxrin persuna fl-elfejn u sbatax, tmintax-il persuna fl-elfejn u tmintax, tmien persuni fl-elfejn u dsatax u persuna fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, wara li dawn naqsu milli jħarsu l-kuntratt tas-seprazzjoni fejn jidħol il-manteniment.

It-Terapista tal-Familja, il-Professur Charles Azzopardi spjega li waħda mir-raġunijiet li dawn il-ġenituri ma jonoraw l-obbligazzjonijiet tal-manteniment hija bi tpattija jew pika bejniethom.

“Ħafna każijiet għaliex ma jħallsux il-manteniment ikun qisu bi tpattija. Jekk nieħdu ħafna rġiel eżempju l-mara tkun qed iżżomilhom it-tfal u ma tħallihomx jaraw it-tfal meta jridu, iġġin ħafna skużi, titfi l-WIFI biex ma jkellmux lil missierhom ma tirrispondix it-telephone u jkun hemm ħafna minn dawn il-battibekki li jkunu storja antika mir-relazzjoni ta’ bejniethom.”

Il-Professur Azzopardi semma li biex wieħed eventwalment jispiċċa l-ħabs jrid għal diversi drabi jibqa’ jisfida l-ġustizzja.

“L-ewwel li jagħmlu l-pulizija mhux idaħħluk il-Qorti, l-ewwel li jagħmlu l-pulizija jippruvaw li bil-kelma t-tajba jħeġġuk biex inti tħallas il-manteniment. Iġifieri dawk is-47 każ li ma ħallsux ikunu għaddew minn proċess twil u dan il-proċess tista’ twaqfu qabel.”

It-terapista qal li l-manteniment ikun għat-tajjeb tat-tifel jew tifla u mhux għall-omm jew missier.

“Il-manteniment dejjem għandu jitħallas fil-parametri tal-ftehim li jkun mifthiem fil-kuntratt tas-separazzjoni minħabba li l-manteniment tat-tfal ma jkunux flus illi qed jingħataw lill-omm jew lill-missier imma flus li jingħataw lit-tfal, biex ikunu jistgħu jieklu, jilbsu u jaqsu bżonnijiet oħra.”

Intant, fl-isfond li xi ġenituri nqdew bil-pandemija u ma ħallsux il-manteniment jew anke ċaħħdu mill-aċċess għall-ulied, il-Kummissarju għat-tfal Pauline Miceli kienet appellat sabiex l-ulied ma jintużawx bħala ballun ta’ pika bejn iż-żewġ ġenituri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend