Stennija għal jekk hux se jintrebaħ il-Kampjonat Premier  – One News

Notifiki

Stennija għal jekk hux se jintrebaħ il-Kampjonat Premier 

Iż-żewġ klabbs rivali li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika tal-Kampjonat Premier tal-futbol Malti tkellmu ma’ dan l-istazzjon dwar id-deċiżjoni tal-eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol li ttermina l-kampjonat.

Fi kliem il-klabb Belti, il-fatt li l-kamjonat mhux se jitkompla kienet deċiżjoni sensibbli u ma setgħetx tittieħed mod ieħor.

“Id-deċiżjoni ma setgħetx tittieħed mod ieħor minħabba l-Avviż Legali li sport ta’ kuntatt bħal futbol ma jistax jintlagħab. Ix-xewqa tagħna, mill-bidu sal-aħħar biex inkunu ġusti kien li l-league jitkompla”

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tal-klabb tal-Floriana Dione Borg qal li din kienet deċiżjoni li ma kienet tiddependi mill-ebda klabb.

“Aħna l-aktar klabb li xtaqna li nkompluh għaliex bqajna l-ewwel tul il-kampjonat kollha. L-aqwa għażla kienet li nkompluh u nispiċċawh għaliex kien hemm indikazzjoni ċara li aħna nkunu champions għaliex iddominajna il-logħob tal-kampjonat. Ma kienx jiddependi minna jew mill-ebda klabb ieħor.”

Iċ-ċampjins renjanti Valletta FC qed jisħqu li l-kampjonat m’għandux jintrebaħ fuq il-mejda.

“Null ma jistax jiġi minħabba l-UEFA, irid jitwaqqaf. Il-League, anke skont regolamenti tal-MFA, għandu jispiċċa biex xi ħadd ikun champion. Il-league m’għandux jintrebaħ fuq il-mejda, fil-każ tagħhna għandu jieqaf hawn.”

Bħalissa teżisti stennija għad-deċiżjoni tal-kunsill tal-MFA li għad irid jiddeċiedi hux se jagħti t-tazza lil xi tim fosthom Floriana li ilhom fil-quċċata sa mill-bidu ta’ dan il-kampjonat.

“Dan il-kampjonat, kull tim diġà lagħab 20 logħba. Kull ma kien fadal sitt logħbiet, u naħseb intlagħbu logħbiet biżżejjed. Dan il-kampjonat, li huwa storiku, u partikolari, qisna bdejna logħba futbol u ġiet gwerra, ma kellniex għażla.”

L-aħħar darba li Floriana għollew il-kampjonat kien sebgħa u għoxrin sena ilu u sal-ħamsa u għoxrin ta’ Mejju li ġej, l-MFA trid tinforma lill-UEFA bit-timijiet li se jilagħbu fil-kompetizzjoni Ewropej taċ-Champions League u l-Europa League.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend