Notifiki

L-Isptar Mater Dei lest biex jerġa’ jibda jilqa’ l-pazjenti bl-appuntamenti u għall-operazzjonijiet

Il-blokka tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei, u t-teatri u s-swali tal-operazzjonijiet, jinsabu lesti biex mit-Tnejn li ġej, jerġgħu jibdew jilqgħu numru ta’ pazjenti bl-appuntamenti għal bosta servizzi li kienu waqfu temporanjament minħabba l-imxija tal-Coronavirus.

Is-servizzi li se jerġgħu jibdew fl-Outpatients, huma dawk ta’ radjoloġija, kardjoloġija, dijabete u ħarsien tat-trabi.

L-operazzjonijiet li se jerġgħu jibdew isiru huma dawk ta’ oftalmoloġija, ortopedija, ġinekoloġija, u interventi ta’ kundizzjonijiet li ma jistgħux jistennew fit-tul.

Dan filwaqt li se jerġa’ jibda jsir l-iscreening għall-kanċer fil-musrana, wara li fil-ġimgħat li għaddew beda jsir ukoll l-iscreening għall-kanċer fl-għonq tal-utru.

Id-Deputat Direttur Mediku Joseph Debono spjega li d-deċiżjoni ta’ liema interventi jistgħu jerġgħu jibdew isiru, ittieħdet abbażi tal-urġenza u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu.

Is-Sur Debono stqarr: “Qed naħsbu f’kundizzjonijiet li fi ftit xhur jistgħu jagħtu kumplikazzjonijiet li jekk isiru, jaggravaw pereżempju mard tad-dijabete li mhux kontrollat, ċertu kundizzjonijiet fit-tfal, li jekk ħallejnihom ftit xhur, jistgħu jikkawżaw aktar problemi.”

Is-Sur Debono spjega li hekk kif jibdew dawn is-servizzi, se jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex tinżamm id-distanza fl-istess waqt li jkun hemm kuntatt mill-inqas.

Dan se jsir fost l-oħrajn b’sinerġija mal-Kura tas-Saħħa Primarja, u telefonati mal-pazjenti għal ċertu dettalji li qabel kienu jittieħdu wiċċ imb’wiċċ.

Barra minn hekk, mhux se jitħallew jidħlu qraba mal-pazjenti.

Is-Sur Debono sostna: “Għamilna miżuri ġol-outpatients fejn ikun hemm perspex, fejn ikun hemm il-PPEs, fejn ikun hemm id-distancing anki fis-seating capacity, il-ħinijiet qassamniehom differenti, jiġifieri għamilna ħafna miżuri biex kemm jista’ jkun ma jkollniex kuntatt bejn persuna u oħra speċjalment la dawn il-pazjenti huma at risk għax huma vulnerabbli.”

It-testijiet ta’ rutina li qed isiru qabel l-operazzjonijiet, se jkomplu jsiru qabel kull intervent kirurġiku.

Is-Sur Debono spjega x’jiġri mill-operazzjoni, f’każ li l-pazjent jirriżulta pożittiv għall-COVID-19.

Huwa saħaq: “Jekk l-operazzjoni tista’ tistenna dawk il-ġimagħtejn tlieta biex il-mikrobu jilħaq jitlaq, nistennew jiġifieri meta mhux se tagħmel differenza nistennew, jekk ma tistax tistenna, għandna faċilitajiet biex nitrattawhom b’mod safe u effettiv.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend