Id-Destin tal-Klabbs f’idejn l-Kunsill tal-MFA – One News

Notifiki

Id-Destin tal-Klabbs f’idejn l-Kunsill tal-MFA

Wara li ilbieraħ ġie deċiż li l-Kampjonat Premier Malti jiġi tterminat minħabba l-miżuri ristretti li ġabet magħha l-Covid-19, l-attenzjoni issa ser idur fuq dak li ser ikun qed jiġri meta jitlaqqa’ l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.

 Matul il-ġurnata tat-Tnejn iltaqa’ l-Bureau tal-MFA u wara l-Eżekuttiv tal-stess assoċjazzjoni fejn it-tieħdet id-deċiżjoni li l-Kampjonat Premier, bħal kull kampjonat ieħor tal-futbol f’Malta, jiġi tterminat.

Il-Kunsill tal-MFA huwa ffurmat minn rappreżentant wieħed minn kull klabb tal-futbol f’pajjiżna flimkien ma’ assoċjazzjonijiet membri tal-stess MFA. B’kollox eleġibbli li jivvutaw hemm 76 persuna flimkien mal-membri eletti fit-tmexxija tal-MFA jiġifieri l-President, it-tliet Viċi Presidenti flimkien mat-Teżorier.

Waqt il-vot li ttieħed ilbieraħ, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo, il-Viċi Presidenti Dr Matthew Paris, Ludovico Micallef u Adrian Casha flimkien mat-Teżorier Ivan Mizzi asstjenew u hekk jidher li ser ikunu qed jerġaw jagħmlu meta jressqu l-opożizzjonijiet quddiem il-Kunsill sabiex ikunu l-klabbs li jiddeċiedu u mhux l-amminstrazzjoni.

Il-Kunsill irid jiddeċiedi jekk hux ser ikun hemm rebbieħa u relegati fil-Kampjonati kollha jew inkella kull tim jibqa fid-diviżjoni tiegħu u ma jkun l-ebda rebbieħ, timijiet promossi jew relegati. Nistgħu ukoll nassistu għal numru akbar ta’ promozzjonijiet li jwassal għal numru akbar ta’ relegazzjonijiet fl-istaġun li ġej.  

Wara 20 ġurnata fil-Kampjonat Premier Floriana FC jinsabu fl-ewwel post b’41 punt minn 20 partita filwaqt lir-rivali eterni tagħhom Valletta FC jinsabu fit-tieni post bit-tliet punti warajhom. Fil-qiegħ insibu lil Tarxien Rainbows li b’erba punti diġà kienu matematikament relagati.

Fl-Ewwel Diviżjoni, wara 19 il-partita, Żejtun Corinthians jinsabu fl-ewwel post f’total ta’ 38 punt b’Lija Athletic żewġ punti biss warajhom.  Mqabba u St. George’s jinsabu fil-qiegħ b’16 il-punt kull wieħed.

Fit-Tieni Diviżjoni s-sitwazzjoni hija ftit aktar ikkumplikata hekk kif Marsa FC jinsabu fil-quċċata b’40 punt wara 19 il-partita bit-tim ta’ Marsaxlokk FC żewġ punti warajhom iżda b’partita anqas. Fl-aħħar post f’din il-Kampjonat insibu lil Luqa SA b’9 punti.

Fit-Tielet Diviżjoni kull tim lagħab 17 il-partita u Attard jinsabu fl-ewwel post b’40 punt bit-timijiet ta’ Kirkop FC, Siġġiewi FC u Għargħur warajhom b’33 punt kull wieħed.

Id-deċiżjoni li ser tkun qed ttieħed fil-konfront ta’ dawn id-diviżjonijiet ser tkun riflessa wkoll fil-Kampjonat Femminili, tal-Youths u anke fl-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni f’Għawdex u d-destin ta’ minnu fl-ewwel post u ta’ dawk li qegħdin fl-aħħar huwa kompletament f’idejn il-Kunsill tal-MFA li ser jkun qed jitlaqqa’ fil-jiem li ġejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend