Nirien jaħkmu l-Aħrax tal-Mellieħa – Appell biex il-pubbliku jevita dawn l-inħawi – One News

Notifiki

Nirien jaħkmu l-Aħrax tal-Mellieħa – Appell biex il-pubbliku jevita dawn l-inħawi

Sa minn kmieni l-Ħadd filgħodu, ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, issieltu ma’ nirien li tkebbsu fl-Aħrax tal-Mellieħa u li bdew matul il-lejl.

Uffiċjali tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qed jikkwantifikaw il-ħsara li saret fuq siġar u l-abitat f’żona li hija waħda ta’ importanza ekoloġika.

L-ewwel rapporti juru li s-siġar l-aktar milquta huma dawk tal-akaċja, flimkien ma’ numru konsiderevoli ta’ siġar tal-lentisk, u medda ta’ xagħar li wkoll inħarqet.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li sabu tliet kampijiet u fossa tan-nar li kienet għadha qed taqbad, u possibiliment in-nar beda minnha. Wara tfittxija fiż-żona u fil-kampijiet, il-Pulizija sabet mowbajl u rnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ sidu.

Sid il-mowbajl, raġel ta’ 33 sena mill-Furjana, ġie mitkellem mill-Pulizija, fejn irriżulta li hu, flimkien ma’ mara ta’ disgħa u għoxrin sena minn Raħal Ġdid u raġel ta’ disgħa u għoxrin sena minn Ħal Safi, kienu qegħdin flimkien jikkampjaw mingħajr permess fil-post fejn beda n-nar.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li n-nar beda b’mod aċċidentali, madankollu l-persuni li kienu fil-post allegatament telqu wara li n-nar infirex f’ħakka t’għajn kawża tar-riħ qawwi li kien hemm fl-akwati.

In-nar ġie kkontrollat mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, li baqgħu fuq il-post sa sigħat wara li n-nar intefa’ kompletament.

Il-Pulizija se tieħu l-passi kontra t-tliet persuni fil-Qorti.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega li fl-aħħar xhur skattat ħidma intensiva fuq pjan li għandu l-għan li jipproteġi parks naturali u msaġar kbar bil-preżenza ta’ rangers professjonali.

Hu sostna:“Jien għamilt kuntatt mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fejn tkellimna fit-tul dwar x’hemm bżonn isir, jien għalija mhux aċċettabbli li f’postijiet bħal dawn, imsaġar kbar, parks naturali kbar, ma jkunx hemm ranger jew green wardens.”

Il-Ministru żied li dwar dan hemm bżonn ta’ pjan aktar fit-tul, li ġaladarba jsib il-finanzjament, mistenni jiġi implimentat mal-baġit li jmiss.

“Hemm bżonn ukoll ta’ pjan fit-tul fejn ikun hemm reservoirs biex f’każijiet bħalma kellna ta’ nar qed jaqbad, wieħed ikun jista’ jieħu azzjoni mingħajr ma jistenna lis-CPD jintervjenu fil-mumenti ta’ wara”, sostna l-Ministru Farrugia.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend