4 persuni fiequ u 7 każijiet ġodda ta’ Coronavirus – One News

Notifiki

4 persuni fiequ u 7 każijiet ġodda ta’ Coronavirus

Fl-aħħar sigħat, 4 persuni fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna, u 7 persuni rriżultaw pożittivi.

It-total ta’ nies imfejqa tela’ għal 454, u t-total ta’ każijiet mindu feġġ l-ewwel każ huwa dak ta’ 553, li rriżultaw pożittivi minn fost aktar minn 50,000 test. Il-każijiet attivi bħalissa huma 93.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li s-7 każijiet ġodda rriżultaw minn fost aktar minn 1,400 test, u l-maġġoranza kienu bla sintomi u nqabdu f’testijiet ta’ rutina.

Hija spjegat:“Għandna l-maġġorparti tal-każijiet minnhom li qegħdin ikunu jiġu pożittivi wara li nkunu qed nagħmlu dak l-enhanced testing u hemm minnhom li ma jkollhomx is-sintomi u għalhekk dan huwa importanti ħafna li nkomplu nżidu t-testing aħna biex naqbduhom u nieħdu l-miżuri ta’ kontinġenza.”

Fl-aħħar sigħat, irriżultat pożittiva Maltija ta’ 52 sena li marret għat-test minkejja li ma kellhiex sintomi. Hija taħdem fi stabbiliment tal-ħwejjeġ u kienet tmur ix-xogħol bil-maskra.

Bħalha rriżulta pożittiv Malti ta’ 50 sena li wkoll jaħdem f’ħanut tal-ħwejjeġ u ma kellux sintomi. Huwa kien jilbes visor fil-ħin tax-xogħol.

Irriżultaw pożittivi żewġt irġiel barranin, wieħed ta’ 52 sena u l-ieħor ta’ sebgħa u erbgħin sena, li marru l-Emerġenza minħabba kundizzjoni medika oħra. Huma ma kellhomx sintomi relatati mal-COVID-19, iżda ħarġu pożittivi meta sarilhom it-test.

Irriżultat pożittiva barranija ta’ 26 sena li hija carer f’dar tal-anzjani, li nqabdet f’test ta’ rutina qabel daħlet għax-xogħol, għaldaqstant ma kienx hemm riskju ta’ trażmissjoni għall-anzjani.

Irriżulta pożittiv Malti ta’ 55 sena li huwa pazjent rikoverat f’sala fl-Isptar Mater Dei, u kellu kuntatt ma’ persuna oħra li fl-aħħar jiem irriżultat pożittiva.

Hemm ukoll barrani ta’ 32 sena li huwa pazjent fl-Isptar Karin Grech, u li fl-14 ta’ Mejju kellu sintomi ta’ deni, sogħla, uġigħ ta’ ras u uġigħ fi griżmejh.

Il-Professur Gauci appellat li minkejja li s-sitwazzjoni hija stabbli, il-pubbliku għandu jsegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblia stqarret: “Flimkien irnexxielna nikkontrollaw is-sitwazzjoni, inżommu r-rati ta’ każijiet li huma baxxi u jiena persważa li bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd u anki li l-pubbliku Malti jkompli jsegwi dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni, aħna nżommu dis-sitwazzjoni fi stadju li tkun kontrollabbli.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend