Notifiki

Strutturi b’saħħithom biex jittaffa l-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq pajjiżna

Il-Gvern Malti huwa determinat li jmexxi bl-aħjar mod is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u l-ażil f’pajjiżna. L-istrutturi li jaħdmu f’dan il-qasam iridu jkunu sodi biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni tkun waħda organizzata u taħt kontroll.

Għal dan il-għan, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ Avviż Legali 194 tal-2020, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi waqqaf l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali. L-għan ta’ din l-aġenzija, li fi żmien li ġej ser tieħu post l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati, huwa li teżamina talbiet għall-protezzjoni internazzjonali skont l-obbligi li għandha Malta f’dan il-qasam.

Id-deċiżjoni li titwaqqaf l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ttieħdet sabiex il-pajjiż ikollu sistemi effettivi kif jiġu proċessati applikazzjonijiet għall-ażil bl-aħjar mod u mingħajr dewmien eċċessiv. Dan ifisser li filwaqt li l-pajjiż ser jibqa’ jaqdi l-obbligi tiegħu li jagħti protezzjoni lil min għandu bżonnha, jittieħdu d-deċiżjonijet meħtieġa u fil-ħin fejn jidħlu dawk il-persuni li ma ħaqqhomx ażil u allura jkunu suġġetti li jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu.

L-aġenzija ser tingħata l-għodda neċessarja sabiex taqdi din il-funzjoni, l-aktar bis-saħħa ta’ investiment fir-riżorsi umani u permezz ta’ uffiċini ġodda u aktar adegwati għall-ħaddiema bil-għan li jaħdmu f’ambjent aħjar.

It-twaqqif tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali hija miżura oħra minn sensiela ta’ deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari u l-ażil. L-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam hija li Malta tagħti s-sehem tagħha f’din l-isfida dinjija mingħajr ma jitpoġġa piż sproporzjonat fuq pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend