Ippubblikati l-proposti għar-riformi fil-ġudikatura li ntbagħtu lill-Kummissjoni Venezja u li ġew imfissra bħala pakkett ta’ riformi storiċi – One News

Notifiki

Ippubblikati l-proposti għar-riformi fil-ġudikatura li ntbagħtu lill-Kummissjoni Venezja u li ġew imfissra bħala pakkett ta’ riformi storiċi

Il-Gvern ippubblika l-proposti għar-riformi fil-ġudikatura li ntbagħtu lill-Kummissjoni Venezja u li ġew imfissra bħala pakkett ta’ riformi storiċi.

F’ittra li ġiet ippubblikata u li ntbagħtet lill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa hemm il-kunċetti leġislattivi dwar riformi estensivi u bla preċedent li hu pjanat li jwettaq dan il-Gvern, b’mod partikolari fil-qasam tal-Ġudikatura.

Il-Gvern qal li din l-ittra waslet wara taħdidiet li diġà twettqu mal-istess Kummissjoni fil-ġimgħat li għaddew.

Saħaq li r-riformi istituzzjonali, speċjalment marbuta ma’ pilastru ewlieni tad-demokrazija, il-ġudikatura huma pass storiku li qed iwettaq il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, lejn saltna tad-dritt aktar soda, u governanza tajba fl-amministrazzjoni kollha tal-organi tal-istat.

Ir-riformi istituzzjonali jitkellmu dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid li hemm qbil fil-prinċipju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar emendi maħsuba li jsiru, kemm fil-Kostituzzjoni u wkoll fil-liġijiet ordinarji ta’ pajjiżna.

Ir-riformi jitkellmu wkoll fuq poteri li kellu l-Prim Ministru, l-eżekuttiv tal-pajjiż u li dawn se jgħaddu fost l-oħrajn għand il-President tar-Repubblika.

Riformi oħra jittrattaw l-irwol tal-Ombudsman u l-ħolqien ta’ Kummissjoni Permanenti kontra l-korruzzjoni fost oħrajn.

Il-Ministru Zammit Lewis spjega: “Il-ħatra tal-Imħallfin, id-dixxiplina tal-Imħallfin u l-Maġistrati u anki kif jitneħħew l-istess membri tal-ġudikatura. Dawk huma l-iktar bidliet importanti, anke l-ħatra ta’ kif jinħatar il-Prim Imħallef.”

Mistennija wkoll aktar riformi fosthom dawk immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella waqt il-Konvenzzjoni Kostituzzjonali li huwa mistenni jwaqqaf.

Fil-kuntest li l-Gvern għandu rieda qawwija biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiżna, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis saħaq li minkejja l-imxija, huwa mexxa ‘l quddiem proposti leġislattivi li jmorru id f’id ma’ dak li qalet il-Kummissjoni Venezja f’Diċembru tal-2018.

Il-Ministru Zammit Lewis qal ukoll li qed jagħmel ċert li filwaqt li ressaq proposti konformi ma’ dak li qalet il-Kummissjoni Venezja, ma jabbandunax it-tradizzjonijiet legali ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għall-Ġustizzja saħaq li dawn ir-riformi sabu anke l-qbil ta’ msieħba involuti bħal Kamra tal-Avukati u għalhekk huwa kunfidenti li huwa ressaq riformi tajba.

Filwaqt li appella għal koperazzjoni sinċiera, Dr. Zammit Lewis qal li l-Gvern se jkompli jisma’ iżjed fosthom mis-soċjetà ċivili.

“Ħriġthom għax il-Gvern m’għandux jaħbi però ċertament huma affarijiet illi se jiġu konsultati n-nies, pero l-Gvern wara l-konsultazzjoni ħa jiddeċiedi biex nibqgħu nsaħħu l-istituzzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar iwassal biex ikollna reputazzjoni aħjar f’pajjiżna, fl-Ewropa u fid-dinja, li jfisser aktar investiment, aktar ġid għall-Maltin u l-Għawdxin”, sostna l-Ministru Zammit Lewis.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Kellha bżonn l-eu kienet pro-attiva daqs il-Gvern Malti għax kieku ma kienetx tabbanduna fil-kwestjoni tal-emigranti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend