Loiai Aljelda Sirjan ta’ 48 sena li joqgħod il-Qawra tressaq il-qorti wara li kien imfittex fuq traffikar ta’ persuni fl-Ewropa.
Huwa kien qed jiġi mfittex b’Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Ungerija fuq traffikar ta’ persuni, kif wkoll li ffaċilita’ permessi ta’ dħul u residenza llegali.
Huwa ilu jgħix Malta 6 xhur. Bl-akkużat kien diġa arrestat fl-Awstrija fuq akkużi relatati.
L-ispettur Omar Zammit qal li l-pulizija rċeviet Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-Unigerija. Qal li l-pulizija arrestat l-akkużat dalgħodu minn Ħad-Dingli mill-post tax-xogħol fejn jaħdem.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia huwa kkonferma li huwa l-istess persuna li qed tiġi mfittxija fl-Ungerija.
Huwa ma tax il-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn l-Ungerija u kkontesta l-Mandat ta’ Arrest Ewropew.
L-Avukat tiegħu talab għall-ħelsien mill-arrest. Qal li f’Malta qed jgħix mas-sieħba tiegħu li hija Maltija.
Bil-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ li jista’ jaħrab minn Malta b’mod illegali.
Il-Maġistrat Nadine Lia ordnat sabiex jinżamm arrestat. Il-qorti se tisma’ l-każ ta’ estradizzjoni tiegħu fil-ġranet li ġejjin.