Is-Settur tas-servizzi finanzjarji kiber bi 2.3% fl-2019 – One News

Notifiki

Is-Settur tas-servizzi finanzjarji kiber bi 2.3% fl-2019

Fl-2019, is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta kiber bi 2.3% biex laħaq total ta’ €657 miljun.

Is-settur iġġenera 430 impjieg ġdid, u n-numru ta’ impjiegi fis-settur laħaq it-12,230 ekwivalenti għal kważi 5% tal-impjiegi kollha f’Malta.

L-industrija tas-servizzi finanzjarji kibret bi 2.3% u qabżet is-€650 miljun, ekwivalenti għal 6% tal-ekonomija.

Dan ħareġ mir-rapport annwali u finanzjarju li ppubblikat l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru tal-2019.

Fl-istess sena, inħoloq tim ġdid bis-sehem ta’ 18-il impjegat, biex jaħdem kontra l-kriminalità fis-settur finanzjarju, li bejniethom wettqu 2,155 siegħa ta’ sorveljanza, u 25 spezzjoni fuq il-post. L-ispezzjonijiet mistennija jiżdiedu għal 60 matul din is-sena.

Fejn jidħlu każijiet ta’ infurzar, l-MFSA rat 35 każ mis-sena ta’ qabel, irreġistrat 105 każijiet ġodda, u għalqet 78 każ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri spjega li dawn il-każijiet jirrikjedu xogħol rigoruż ta’ analiżi, u l-pjan li s-sena li ġejja jkomplu jiżdiedu.

Is-Sur Cuschieri stqarr, “Ovvjament dawn ikun fihom ħafna xogħol ta’ analiżi, ovvjament naraw id-data, isir ħafna xogħol legali, xogħol ta’ analiżi, u s-sena d-dieħla bi ħsibna nżidu iktar jiġifieri l-ammont ta’ on-site inspections se jiżdiedu b’mod sostanzjali qed nippjanaw li nagħmlu 350 on-site inspection u meta inti żżid l-on-site inspections dak ifisser li anki l-infurzar ħa jiżdied.”

L-Awtorità investiet kważi tliet miljun ewro fit-teknoloġija, u rat li twassal l-informazzjoni tagħha lill-pubbliku, fost oħrajn b’137 notifika, 200 ċirkulari, 23 twissija lokali, 48 ittra stqarrija u 17-il dokument għall-konsultazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo nnota li l-MFSA implimentat u se tkompli timplimenta l-programmi ta’ riforma proposti mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-MONEYVAL.

“B’dan ir-rapport tal-MFSA fejn qegħdin naraw ix-xogħol li sar fl-elfejn u dsatax, jagħtina spinta għas-sena d-dieħla, sabiex inkomplu nżidu fix-xogħol tagħna biex nimplimentaw rakkomondazzjonijiet tal-MONEYVAL u nkomplu nsaħħu anki l-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna u isem Malta fuq livell internazzjonali fejn jidħlu s-servizzi finanzjarji.” Temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bartolo.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend