Telqet mid-dar t’ommha biex tkompli b’xogħolha ta’ infermiera fl-Emerġenza – One News

Notifiki

Telqet mid-dar t’ommha biex tkompli b’xogħolha ta’ infermiera fl-Emerġenza

L-omm – dik li b’tant għożża ġġorr lil uliedha f’ġufha għal disa’ xhur. Hija wkoll l-ewwel persuna li tarbija ċkejkna titfa’ ħarsitha fuqha hekk kif tiftaħ għajnejha għall-ewwel darba f’din id-dinja.

Persuna tant għażiża li żżomm idejn uliedha għal żmien qasir, imma qalbhom għal dejjem. L-omm tiġi ċċelebrata f’kull jum tas-sena, iżda ftit iktar u b’mod speċjali f’Jum l-Omm.

Ġurnata li din is-sena qed tiġi ċċelebrata f’ċirkostanzi straordinarji, u li żgur tfisser weġgħa għal ħafna li għandhom ommijithom anzjani u ma jistgħux igawduhom minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Dan l-istazzjon tkellem ma’ Lina u Vena. Din tal-aħħar hija infermiera fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, u kellha titlaq mid-dar fejn tgħix ma’ ommha, żewġha u t-tliet uliedha, biex tkun fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19.

Ommha Lina tispjega x’ħasset meta bintha qaltilha li se jkollha tgħix ’il bogħod minnha u minn familtha.

Lina stqarret, “Għall-ewwel tħossok ftit hekk, imma dak xogħolha, ma tistax tgħidilha hawn trid toqgħod għax dak ix-xogħol tagħha u trid tagħmlu.”

Hija taf li din l-għażla ħaditha fl-aħjar interess tagħha.

Hi kompliet tgħid, “Mill-ewwel qaltli, ma, għall-aħjar tiegħek.”

Lina qaltilna li jweġġgħuha ħafna kummenti li tara u tisma’ kontra l-infermiera.

Lina saħqet, “Meta nisma’ lil xi ħadd igerger għalihom, f’qalbi ngħidilhom ma tafux f’liema stat qegħdin. L-omm tħoss, dak ikun ix-xogħol tagħhom ma tista’ tagħmel xejn.”

Bintha Vena tispjega li għandha ċertu serħan il-moħħ għaliex żewġha u uliedha għadhom qed jgħixu magħha, u għall-inqas mhix waħedha.

“Immur nittawlilhom naqra mill-parapett u nkellimhom ftit imma still speċjalment filgħaxija meta tmur fil-kamra waħdek jaqbdek id-dwejjaq.” Qalet Vena.

Lina u Vena dejjem qattgħu Jum l-Omm flimkien, iżda din id-darba għall-ġid ta’ kulħadd, kellhom joqogħdu ’l bogħod minn xulxin.

Lina kellha dan il-messaġġ għal bintha; “Tkompli tieħu ħsiebna kif inhi qiegħda, u tieħu ħsieb saħħitha.”

U Vena kellha dan il-messaġġ, għal ommha Lina; “Lil ommi ngħidilha Happy Mother’s Day, grazzi tal-paċenzja u nħobbha ħafna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend