Jinħatru żewġ Kummissarji għall-Ġustizzja oħra biex tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna – One News

Notifiki

Jinħatru żewġ Kummissarji għall-Ġustizzja oħra biex tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza żied in-numru ta’ kummissarji għall-ġustizzja biex tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna, waqt li ċ-ċittadin jinqeda aktar malajr.

Dan hekk kif ħatar lil Dr Sandra Sladden u lil Dr Marouska Debono waqt li ġedded il-kuntratti ta’ Dr Ian Spiteri Bailey, Dr Matthew Brincat, Dr Roberta Fenech Gauci, Dr Mario Scerri, u Dr Lynn Zahra. Dawn se jkunu qed jaħdmu mat-tim eżistenti ta’ kummissarji preżenti. Dawn il-ħatriet qed isiru ftit tal-ġimgħat wara l-ħatra ta’ Dr Deborah Farrugia u ta’ Dr Martha Mifsud.

Fil-bidu ta’ din is-sena kien hawn 17-il kummissarju għall-ġustizzja u li issa telgħu għal 21.

Il-kummissarji għall-ġustizzja jinħatru skont il-Kap. 291 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jipprovdi għat-twaqqif tas-sistema ta’ dipenalizzazzjoni ta’ reati minuri u għas-smigħ ta’ każijiet relatati f’forum inqas formali u iktar mgħaġġel.

Id-doveri tagħhom huma primarjament li jisimgħu, jeżaminaw u jiddeċiedu l-każijiet miġjuba quddiemhom mill-Pulizija Eżekuttiva, mill-kunsill lokali jew minn awtorità oħra kompetenti skont l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja (Kap . 291).

Din il-miżura wasslet għal aktar effiċjenza fil-qasam tal-ġustizzja fil-qrati, fejn issa, kawżi li qabel kienu jmorru quddiem il-Qorti, illum bis-saħħa ta’ dan l-att u b’żieda qawwija fin-numru ta’ kummissarji għall-ġustizzja, dawn qed jinstemgħu fit-tribunal tar-reġjuni mill-kummissarji maħtura.

B’hekk ikompli joħroġ fid-deher l-impenn ta’ dan il-gvern, partikolarment ta’ din l-amministrazzjoni, li jtejjeb u jaġġorna s-servizzi offruti mis-settur legali ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend