Heritage Malta se tilqa’ webinar dedikat lil Wirt Kulturali Diġitali – One News

Notifiki

Heritage Malta se tilqa’ webinar dedikat lil Wirt Kulturali Diġitali

Nhar is-Sibt, 9 ta’ Mejju, mis-2:00pm sal-4:00 p.m., Heritage Malta flimkien mal-Università tat-Teknoloġija f’Ċipru se tkun qed tlaqqa’ webinar iddedikat lil Wirt Kulturali Diġitali li qed jiġi organizzat biex jikkommemora l-Ġurnata tal-Ewropa. Dan il-webinar li se jiġi indirizzat minn Dr José Herrera, Ministru tal-Wirt Kulturali, Arti u Gvern Lokali ta’ Malta,  se jġib flimkien lil tnejn mill-iżgħar nazzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja – Malta u Ċipru.

Malta u Ċipru huma l-uniċi żewġ membri tal-EU li huma fiżikament separati mill-kontinent prinċipali. Madanakollu, dawn iż-żewġ gżejjer igawdu minn storja għanja li tmur lura għal eluf ta’ snin, u minn numru ta’ siti uniċi li ġew identifikati bħala Wirt Kulturali Dinji mill-UNESCO.

Iż-żewġ gżejjer Mediterranji għandhom bosta elementi li jixxiebhu, fosthom l-impenn li jippreservaw u jivvalorizzaw il-wirt kulturali. Waqt dan l-avveniment, huma se jkunu qed jippreżentaw studji uniċi u sinifikanti mill-programmi ta’ diġitizazzjoni nazzjonali tagħhom u ħafna aktar.

Uħud mit-temi li se jiġu diskussi f’dan il-webinar se jinkludu taħdidiet dwar il-kontribuzzjoni tad-diġitizazzjoni fl-ippreservar, l-interpretazzjoni u l-valorizazzjoni tal-wirt kulturali. Filwaqt li se jissemmew il-kisbiet li saru permezz tad-diġitizazzjoni tal-wirt kulturali fiż-żewġ pajjiżi, se jiġu trattati wkoll l-isfidi relatati mal-wirt kulturali li bħalissa qed jiġu affaċċjati minħabba l-imxija tal-COVID-19. Se jkun hemm ukoll interventi li se jispjegaw kif il-wirt kulturali jista’ jgħin fir-riġenerazzjoni tas-settur tat-turiżmu, filwaqt li oħrajn se juru kif se jintuża l-potenzjal diġitali fejn jidħol il-wirt kulturali u kollaborazzjonijiet oħra fuq livell tal-EU.

F’dan il-webinar se jipparteċipaw kelliema mill-Kummissjoni Ewropeja, rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropeja minn Ċipru, European Cooperation in Science and Technology (COST), il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura ta’ Ċipru, il-Ministeru tal-Wirt Kulturali, Arti u Gvern Lokali ta’ Malta, Heritage Malta, Cyprus University of Technology, l-Università ta’ Malta, u membru Malti mill-Parlament Ewropew.

Dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’dan is-seminar online huma mitluba jirreġistraw bla ħlas fuq https://heritagemalta.org/stronger-together/ ħalli jirċievu l-ħolqa biex jieħdu sehem live.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend