FĊN B’Diversi Inizjattivi Għall-75 Anniversarju mit-Tieni Gwerra – One News

Notifiki

FĊN B’Diversi Inizjattivi Għall-75 Anniversarju mit-Tieni Gwerra

Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN) b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, qed torganizza għadd ta’ attivitajiet kommemorattivi fi ħdan il-75 anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. ‘Victory in Europe Day’, magħrufa aktar bħala V.E day, tiċċelebra ċ-ċediment tal-Ġermanja bla kundizzjonijiet fit-8 ta’ Mejju tal-1945 li wasslet għat-tmiem it-Tieni Gwerra. Malta kella rwol strateġiku għall-allejati waqt il-gwerra bejn 1940 sal-1942, b’hekk hija importanti li nfakkru dan l-avveniment storiku fl-istorja ta’ pajjiżna. 

Minħabba l-impatt tal-COVID-19 u d-direttiva marbuta mal-avvenimenti organizzati, l-attivitajiet u ċ-ċerimonji assoċjati ma’ din il-ġurnata storika kellom jiġu kollha mħassra. Minkejja dan, FĊN u Festivals Malta xorta waħda ħadmu biex jtellgħu diversi produzzjonijiet televiżivi u inizjattivi oħra, biex din il-ġurnata xorta waħda tiġi ċċelebrata.

Fost il-produzzjonijiet televiżivi li wieħed ser jkun jista’ jgawdi b’rabta ma’ V.E. day, insibu dokumentarju, produzzjoni mużikoletterarja u kunċert mużikali. L-ewwel produzzjoni, bl-isem ta’ ‘75 Sena Minn Tmiem il-Gwerra’, jinkludi serje ta’ seba’ dokumentarji qosra mill-pinna ta’ Mario Xuereb, b’temi li jindirizzaw punti ewlenin tal-istorja ta’ Malta u l-involviment ta’ pajjiżna fil-gwerra. Dawn id-dokumentarji qed jiġu mxandra kuljum fit-20:50 fuq TVM, u ser jibqgħu jixxandru sa nhar il-Ħadd 10 ta’ Mejju. Min ma jirnexxilux jsegwi dawn il-produzzjonijiet fuq it-televiżjoni, jista’ jagħmel dan aktar tard hekk kif eventwalment ser jiġu aċċessibli online.

It-tieni produzzjoni tieħu l-forma mużikoletterarja b’elementi umoristiċi. ‘Minestra u Għaġin, Fażola u Sardin’, b’kollaborazzjoni ma’ Folla Nies, toffri spettaklu mill-aqwa, b’paralliżmi bejn it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Malta preżenti tal-2020. Din il-produzzjoni ser tittella is-Sibt 9 ta’ Mejju fid-20:55 fuq TVM, b’repetizzjoni il-Ħadd 10 ta’ Mejju fis-14:45 fuq TVM2, b’sehem ta’ Ray Calleja, Daniel Cauchi u l-Big Band Brothers. Eżatt wara, ser tixxandar it-tielet produzzjoni bl-isem ta’ ‘WW2 Impressions’; Jazz Suite minn Dominic Galea. Ibbażat fuq siltiet mill-musical ‘Il-Gwerra’ ta’ Spiru Cefai, dan il-kunċert jinkludi mużika mill-Maestro Dominic Galea u lirika tal-poeta Raymond Mahoney.

Apparti dawn il-produzzjonijiet, FĊN u Festivals Malta kkollaboraw mal-Kurja biex jindaqqu l-qniepen kollha ta’ Malta u Għawdex nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju f’nofsinhar. Fl-istess jum, 26 kamra tan-nar madwar Malta ser jieħdu sehem bi ħruq tan-nar bejn il-11:30 sa’ nofsinhar.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali José Herrera sostna li oriġinarjament biex nikkomemoraw dan l-anniversarju kien hemm maħsub programm vast ta’ attivitajiet kulturali mmirati li jolqtu l-pubbliku b’ħafna attivitajiet tal-massa, biss madanakollu minħabba iċ-ċirkustanzi preżenti Festivals Malta kella tibdel u tadatta l-programm tagħha biex effettivament jirrispettaw id-direttivi maħruġa.

“Filwaqt li f’dawn iż-żminijiet huwa difficli biex jiġu organizzati attivitajiet tal-massa, Festivals Malta xorta ħasbet biex toffri programm varjat u t’interess lill-pubbliku ġenerali” stqarr il-Ministru Herrera fejn tenna li huwa importanti li parti integrali tal-istorja tagħna tibqa’ tiġi mfakkra b’materjal u kontenut professjonali.

Annabelle Stivala, id-direttur ta’ Festivals Malta, ikkummentat li f’dawn iż-żminijiet, dawn l-inizjattivi joffru raġġ ta’ tama għall-poplu kollu. “Permezz ta’ dan il-programm, aħna mhux biss ser nkunu qed noffru divertiment lil poplu Malti u Għawdxi, imma ser nkunu qed niċċelebraw u nikkomemoraw fis-sħiħ it-taqbid li għaddew minnhom missirijietna fi żmien il-gwerra”.

Aktar informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet hija aċċessibli fuq www.fcn.mt/wwii-75anniversary jew fuq il-Paġna ta’ Facebook tal-FĊN stess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend