Notifiki

Aktar immigranti salvati se jibqgħu fuq vapur ieħor barra mill-ibħra territorjali

Matul il-lejl li għadda Malta kkordinat is-salvataġġ ta’ żewġ dgħajjes, b’total ta’ 123 immigrant abbord, li kienu f’diffikultà fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ pajjiżna.

Dawn l-immigranti se jkunu fuq bastimenti barra mill-ibħra territorjali ta’ Malta u l-Italja hekk kif il-pożizzjoni taż-żewġ pajjiżi baqgħet soda li f’dan iż-żmien ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika, il-portijiet huma magħluqa.

Fl-ewwel każ, il-Forzi Armati ta’ Malta permezz tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52, salvaw 45 persuna – 39 raġel, 3 nisa fosthom waħda tqila u 3 itfal fosthom ta’ 18-il xahar u ta’ sentejn.

Fit-tieni każ, permezz ta’ lanċa tas-sajd privata, Malta kkordinat is-salvataġġ ta’ 78 immigrant – 68 raġel, 5 nisa fosthom waħda tqila u 5 itfal

Fid-dawl ta’ dawn iż-żewg każijiet, il-Gvern Malti kellu jitlob bastiment ieħor privat biex joħroġ 13-il mil nawtiku barra mill-kosta Maltija u fuqu jiġu trasferiti 105 immigranti

Dawn l-immigranti abbord il-bastiment se jingħataw il-ħtiġijiet bażiċi bħal ikel, xorb u anki mediċini.

Intant il-Gvern se jagħmel eċċezzjoni waħda li jdaħħal f’Malta lit-trabi u tfal akkumpanjati minn ġenitur, kif ukoll lin-nisa tqal li hemm abbord.

Dawn jammontaw għal 18-il persuna.

Dawn il-persuni se jkunu fi kwarantina, f’post ta’ iżolament.

Din is-sitwazzjoni tfisser li f’lejl wieħed biss ittripla n-numru ta’ persuni fuq bastimenti barra l-kosta Maltija jistennew għal soluzzjoni Ewropea.

Bħalissa hemm 57 immigrant ieħor fuq il-bastiment Europa II u issa se jkun hemm 105 immigrant ieħor fuq bastiment ieħor tal-Captain Morgan.

Dan flimkien ma’ 79 immigrant fuq il-bastiment Marina barra l-kosta ta’ Lampedusa.

L-unika għajnuna ta’ rilokazzjoni li rċeviet Malta sa issa hija wegħda mill-Portugall li lesta taċċetta 6 immigranti.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. L-eċċezzjoni hija l-kundanna tagħna. Mela issa nibdew naraw aktar dgħajjes b’nisa tqal u tfal fuqhom. Dawk li jirrikattaw b’din id-deċiżjoni ħadu r-ruħ. Tal-EU reġgħu rnexxilhom iġibuna fejn riedu huma. Fejn hi t-talba lill- Vatikan li għamel il-gvern Malti? U mbagħad inċedu aħna??? Din għalija tfisser għajnuna lil dawk li jirrikattaw u daqqa kbira għalina l-Maltin. In-nisa u t-tfal qegħdin jiġu wżati għal dan l-iskop, u l-iskop qiegħed jirnexxielhom. Jew il-portijiet tagħna huma magħluqa jew imbexxqa. Jekk magħluqa dan ifisser li magħluqa u ħadd ma jista’ jidħol. Jiddispjaċini bil-kbir li ċedejna issa wkoll. Ara issa fis-sajf se jkollna? Se nagħmlu, se nċedu wkoll? Povri wliedna u uliedhom!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend