Tbassir li l-ekonomija Maltija se ssofri daqqa anqas mill-medja li tkun irkuprata fl-2021 – One News

Notifiki

Tbassir li l-ekonomija Maltija se ssofri daqqa anqas mill-medja li tkun irkuprata fl-2021

Rapport ieħor, din id-darba mill-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li Malta se ssofri ferm inqas id-daqqa fl-ekonomija kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Fil-fatt fit-tbassir tagħha dwar l-andament ekonomiku tal-istati membri, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li Malta se ssofri daqqa anqas mill-pajjiżi taż-żona ewro u li din id-daqqa se tirkupraha s-sena d-dieħla.

Fit-tbassir tagħha dwar l-andament tal-ekonomiji Ewropej, il-Kummisjoni Ewropea qed tbassar li f’Malta d-daqqa ekonomika se tkun ta’ ħamsa punt tmienja fil-mija.

Dan filwaqt li l-medja fil-pajjiżi taż-żona ewro, il-ġid nazzjonali se jonqos b’sebgħa punt sebgħa fil-mija.

L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jsostnu li filwaqt li bosta pajjiżi fiż-żona ewro mhux se jirkupraw mid-daqqa ekonomika s-sena d-dieħla għaliex it-tkabbir ekonomiku, dak ta’ sitta punt tlieta fil-mija huwa inqas mid-daqqa ekonomika għal din is-sena, fil-każ ta’ Malta, it-tkabbir ekonomiku għas-sena d-dieħla jiżboq id-daqqa ekonomika għal din is-sena.

L-agħar impatt ekonomiku mistenni jolqot lill-Greċja, bi tnaqqis ta’ disgħa punt sebgħa fil-mija, kważi d-doppju ta’ pajjiżna.

L-Italja, Spanja u l-Kroazja mistennija jaraw il-ġid nazzjonali tagħhom jonqos b’aktar minn disgħa fil-mija.

Il-Ġermanja, il-mutur ekonomiku tal-Ewropa hi mbassra li tieħu daqqa ta’ sitta punt ħamsa fil-mija, jew kważi punt perċentwal aktar minn pajjiżna.

Fl-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea, il-Polonja biss hi mbassra li ssofri daqqa ta’ anqas minn ħamsa fil-mija.

L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea dehru pożittivi ferm fuq d-daqqa li mistenni jieħu s-settur tal-impjiegi f’Malta.

Filwaqt li bħala medja madwar iż-żona ewro hu mistenni tnaqqis ta’ erbgħa punt sebgħa fil-mija, f’pajjiżna d-daqqa hija mbassra li tkun ta’ wieħed punt tmienja fil-mija.

Dan ifisser li skont il-Kummissjoni Ewropea, id-daqqa fl-impjiegi f’pajjiżna se tkun terz ta’ dik fil-bqija taż-żona ewro.

L-akbar daqqa fl-impjiegi mistennija tkun fi Franza, bi tnaqqis ta’ disgħa punt wieħed fil-mija, jew ħames darbiet aktar minn pajjiżna.

Is-sena li ġejja l-impjiegi f’pajjiżna mistennija jiżdiedu bi tlieta fil-mija, jiġifieri d-doppju tat-telf ta’ impjiegi din is-sena u d-doppju tal-medja fiż-żieda annwali tal-impjiegi osservata fl-elfejn u ħmistax.

Dwar ir-rata tal-qgħad, fil-Greċja l-qgħad mistenni jilħaq l-għoxrin fil-mija iżda s-sena d-dieħla, il-qgħad f’pajjiżna mistenni jerġa’ jonqos għal erbgħa punt erbgħa fil-mija.

L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea kkummentaw dwar l-ekonomija reżiljenti ta’ pajjiżna li tiflaħ għad-daqqiet u sostnew li temporjament l-imxija se tagħti daqqa l’isfel lill-ekonomija Maltija.

Intant ir-rapport pożittiv dwar pajjiżna jitkellem ukoll dwar l-impenn tal-gvern favur l-ekonomija, li hu mbassar ilaħħaq l-erbgħa fil-mija tal-ġid nazzjonali.

Intqal li dan se jwassal biex il-piż tad-dejn nazzjonali jitla’ għal wieħed u ħamsin punt ħamsa fil-mija, jiġifieri ftit aktar mil-livell li kien fl-elfejn u sbatax.

B’rabta ma’ dan, il-Gvern laqa’ dan l-aħħar ċertifikat ta’ fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna stqarr, “Malta hija b’saħħitha. Tiflaħ għad-daqqiet u l-osservaturi qegħdin jaraw dan.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend