F’inqas minn tliet ġimgħat oħra nistgħu nneħħu r-restrizzjoni li missier ma jitħalliex isegwi l-esperjenza kollha tat-twelid – id-DPM – One News

Notifiki

F’inqas minn tliet ġimgħat oħra nistgħu nneħħu r-restrizzjoni li missier ma jitħalliex isegwi l-esperjenza kollha tat-twelid – id-DPM

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne, ħabbar li waħda mill-miżuri li ser tkun riveduta fl-għeluq ta’ tliet ġimgħat minn mindu sar l-ewwel tnaqqis fil-miżuri kontra l-Coronavirus, hija dik li l-missier ma jitħalliex fis-sala tal-ħlas tul l-esperjenza kollha tat-twelid.

Fis-seduta parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija stqarr li dan isir, dejjem jekk is-sitwazzjoni tal-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna tibqa’ taħt kontroll.

Il-Ministru Fearne saħaq, “Fil-grupp ġdid ta’ miżuri li se nħabbru, waħda minnhom, jekk nibqgħu inżommu l-affarijiet taħt kontroll, min-naħa tal-qasam mediku se tkun illi l-missirijiet, il-partners, ser ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu għal  parti kollha tal-ħlas mal-partner tagħhom waqt li jkunu qiegħdin ġewwa l-isptarijiet tagħna.”

Chris Fearne ħabbar ukoll li s-servizz tal-IVF ukoll jaf jerġa’ jibda jekk wara dawn it-tliet ġimgħat il-virus jibqa’ kkontrollat f’pajjiżna.

Huwa stqarr li l-għażla ta’ jekk koppja tibdiex is-servizz tal-IVF f’dan iż-żmien jibqa’ f’idejn il-koppja.

Dan is-servizz kien ġiet sospiż wara li kien għadu mhux magħruf x’inhu l-effett tal-Coronavirus fuq mara li tkun fil-fażi bikrijja tat-tqala.

Stqarr li hu mifhum li l-Coronavirus ma jiżviluppax kumplikazzjonijiet waqt it-tqala bħal viruses oħra, fosthom l-ħożba Ġermaniża jew iż-Żika.

Madankollu spjega kif xorta waħda għadu mhux magħruf fiċ-ċert jekk in-novel coronavirus iħallix effett fuq it-tarbija meta l-omm tkun pożittiva f’fażi bikrija tat-tqala.

Stqarr li minħabba dan il-fatt, il-liġi li tippermetti l-iffriżar tal-embrijuni ġiet użata ferm bħalissa biex l-embrijuni ikun impjantat fi żmien fejn ikun hemm inqas riskju li dan b’xi mod jew ieħor ikun milqut minn dan il-virus.

Id-Deputat Prim Ministru tenna, “Għax issa rnexxielna nżommuhom u l-liġi tippermettielna nżommuhom fl-embryo freezing u dawn issa nistgħu nimplantawhom la tkun għaddiet jew ikun daħal il-vaċċin potenzjalment mingħajr nerġa’ ngħid, anzi bl-ikbar rispett lejn il-ħajja għax dawn l-embrijuni kollha ser ikunu impjantati imma potenzjalment salvajna possibilità li jkollna dawn it-trabi li jitwieldu bl-anomaliji.”

Stqarr li bħalissa m’hemm l-ebda embrijun iffriżat li huwa għal adozzjoni kif tippermetti l-liġi iżda l-ġenituri tagħhom kollha iriduhom.

Stqarr li mal-ftuħ mill-ġdid tas-servizz tal-IVF il-liġi f’pajjiżna ser tkun qed tippermetti wkoll id-donazzjoni tal-isperma jew tal-bajda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend