Pensare male é peccato, ma spesso si azzecca!  – One News

Notifiki

Pensare male é peccato, ma spesso si azzecca! 

Hekk kien jgħid Giulio Andreotti. Li taħseb ħażin dnub, imma ħafna drabi taqta’ bi preċiżjoni. Bil-Malti ngħidu: “Aħseb il-ħazin, ħalli t-tajjeb ma jonqosx” Daħalli suspett qawwi fuq Alarm Phone, wara li New York Times qalet li l-immigranti jaqbdu mal-Alarm Phone b’telephone satellitari li jkun rċevew fil-Libja stess minn min jarma l-laneċ. Mort infittex u sibt li dawn għandhom bażi fuq l-art. Javżaw li huma ma jagħmlu l-ebda salvataġġ imma jistgħu jagħmlu sejħa għall-għajnuna. Jagħmlu wkoll informazzjoni għall-medja, biex fi kliemhom jimbarazzaw lill-awtoritajiet. Alarm Phone stess jgħidu li għandhom kollaboraturi fil-Libja!

Għax dawn fuq l-art f’pajjiż ieħor kif suppost isiru jafu jekk ma jaqbduhomx bit-telekomunikazzjoni? Ispirazzjoni supranaturali bhalma kellu l-editur tal-Avvenire? Jien staqsejt lil xi hadd li jaf fuq is-suggett, u anke mort infittex fuq l-internet. Taħsbux li telephone satellitari b’xejn tixtrih. Iqum flus sewwa. Dawk in-nies ta’ fuq il-laneċ jistgħu jagħmlu kapriċċ hekk? Mobile jista’ jkollhom imma jwassal biss sa 15-il mil mix-xatt. Min irid jara din il-website tal-Alarm Phone u tindunaw kemm ħabi, li jinsabu ‘l bogħod, u li għandhom min jgħinhom fix-xtut ta’ fuq tal-Afrika.

https://alarmphone.org/en/about/?fbclid=IwAR1jV9uPRxITMRPnb11ubuE-oxwy888qqHO9Jd6R5FOhlVRm4_5n1AzOBrc

Fil-liġi ngħidu li hemm biżżejjed provi ċirkostanzjali biex iwassluk univokament għall-konklużjoni waħda. Hemm xi ħaġa li ma ddoqqx fl-istorja kollha. Fażulla! Jekk qed jagħmlu s-sewwa juru wiċċhom. Imma xejn. Lanqas min huma l-membri jew il-mexxejja.

Issa min-naħa l-oħra, l-immigranti kif jafu lil min għandhom iċemplu? Misteru ieħor. U mhux numru li tiftakru malajr. Min għaddielhom in-numru lil dawn in-nies li suppost qegħdin fil-ħarba? Aktar jidher li kollox organizzat bid-dettalji kollha. U jekk wieħed jaqra fil-website jiftaħru li jiltaqgħu mal-gruppi tal-migranti fl-Afrika u jagħtuhom in-numru! Imma min jagħtihom l-apparat?

Meta Alarm Phone jkollhom sejħa li hemm in-nies fil-periklu, normalment kif urew l-istejjer riċenti, iċemplu u jikkuntattjaw il-vapuri tal-NGO’s. U oħroġ l-għaġeb għax f’ħakka t’għajn dawk il-vapuri jkun hemm u jsalvaw in-nies. Dawn l-għaqdiet għandhom l-għeruq il-Ġermanja u jirċievu l-flus mill-Knisja Protestanta Ġermaniża. Hemm xi ftit li mhumiex Ġermaniżi.

Kif dejjem inzertaw fil-qrib? Miraklu! Matteo Salvini ġew f’idejh filmati fejn jidhru l-vapuri tal-NGO’s jirranġaw mal-merkanti tal-bnedmin. U l-vapuri tal-NGO’s ma jsalvawx in-nies imma jgħabbuhom bħal taxi ħalli jkomplu l-vjaġġ. U jidħlu jew l-Italja jew Malta. Ikunu rifsu l-Ewropa u l-vjaġġ ikun suċċess, allavolja maqsum fi tnejn. It-traffikanti jwasslu sa fejn għandhom iwasslu, u l-kumplament għall-Ewropa f’idejn tal-qalb tajba.

Meta jkun hemm għarqa, Alarm Phone tindaħal ukoll, u l-vapuri tal-NGO’s iwassal. Imma kif ma jinzertawx vapuri merkantili jew navali?

Meta jerfgħuhom l-NGO’s xorta jġibuhom l-Ewropa. Imqar jekk ikun qrib il-port tajjeb bħal dak li hemm fit-Tuneżija. Le. Il-portijiet tajbin fl-Italja u f’Malta.

Biex aktar iħassbuni ħażin f’dawn l-aħħar ġranet kien hemm possibbilment żewġ każi ta’ għarqa. Fl-istess żmien kien hemm id-dikjarazzjoni tal-Italja u ta’ Malta li ma kellhomx portijiet tajbin ħalli jilqgħu l-migranti.

Oħroġ l-għaġeb il-vapuri tal-NGO’s ma marrux isalvaw u l-anqas jidher li Alarm Phone ċemplu lill-vapuri tal-NGO’s.

L-NGO’s kien jafu li mhux x’se jirnexxielhom iwasslu lin-nies fuq art tal-Ewropa, mod jew ieħor, u għalhekk ma kienx ħobż tajjeb. L-iskop huwa wiehed. Dawk emigrant ekonomiċi mill-Afrika ghall-Ewropa, l-istess bħal ħafna fl-imgħoddi li kien jaħarbu fuq xi vapur lejn l-Amerka. Hemm xi ftit li jaharbu mill-persekuzzjoni f’pajjiżhom, imma dawn mhux Libjani. Fil-Libja jew ma‘ naħa jew ma’ oħra.  Kien hemm ħtieġa tal-kenn għal dawk li kienu magħrufa bħala qrib Gaddafi. Hemm pajjiżi Musulmani li lesti jilqgħu ħaddiema mill-Afrika, imma dawn iridu l-Ewropa!  Imma l-art imwegħda li tidher fuq it-television hija l-Ewropa, u fuq l-Ewropa jisimgħu għax kienu kolonji wkoll. Jitkellmu bl-ilsna tal-Ewropa.  Għalhekk jinħoloq il-business tat-trasport.

Kemm kellu raġun Andreotti. U lili tagħtunix tort li mhux qed nemmen lil dawn li jippreżentaw ruħhom ta’ qlub tajba. Robert Abela għandu raġun iżomm iebes.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend