Notifiki

Tliet każijiet ġodda ta’ Coronavirus u fiequ seba’ persuni oħra

Fl-aħħar sigħat feġġew 3 każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 731 test li saru. B’hekk il-każijiet pożittivi f’Malta jlaħħqu l-480, li ħarġu minn 35,727 test li saru f’pajjiżna.

Fl-istess ħin is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li seba’ persuni oħra fiequ mill-marda, biex b’hekk issa n-numru ta’ persuni li fiequ mill-marda jlaħħaq it-399. Malta issa għandha 77 każ attiv ta’ COVID-19. Il-Professur Gauci spjegat li t-tliet każijiet ikkonfermati lkoll kellhom is-sintomi, ikkuntattjaw huma stess lill-awtoritajiet u sarilhom it-test.

Tnejn mill-każijiet ikkonfermati t-Tnejn jidher li kellhom kuntatt ma’ persuna li rriżultat fil-pożittiv il-ġimgħa l-oħra. Dawn huma Malti ta’ 33 sena u Maltija ta’ 50 sena, li qarib tagħha kellu kuntatt mal-persuna infettata. L-awtoritajiet tas-saħħa bħalissa għaddejin bl-intraċċar tal-kuntatti tal-persuni.
It-tielet każ huwa ta’ ħaddiem fil-qasam tas-saħħa ta’ 26 sena li ħadem l-aħħar jum qabel ma beda bis-sintomi. L-awtoritajiet tas-saħħa mhux biss qed jagħmlu assessjar tar-riskju ta’ dan il-każ iżda għaddejjin ukoll bl-intraċċar tal-kuntatti tiegħu. Il-Professur Gauci spjegat li b’kollox, 14-il persuna qed jieħdu l-kura fl-isptarijiet.

Minkejja li t-Tnejn bdew jitnaqqsu l-miżuri, fosthom dawk imposti fuq stabbilimenti kummerċjali, il-Professur Gauci appellat għall-kawtela:

“Ma nistgħux inkunu f’sitwazzjoni bħal ma kellna lbieraħ fejn kellna numru ta’ nies li ħarġa. Hemm se nirriskjaw dak kollu li ħidmna għalih. Il-miżuri li wieħed ma jkollux kuntatt ma’ persuni oħra ħlief dawk li jaħdmu miegħu u li jgħixu miegħu, m’għandux ikun.”

Spjegat ukoll kif l-użu tal-maskri jew visors fl-istabbilimenti jew fuq it-trasport pubbliku issa joħorġ mill-Att Dwar is-Saħħa Pubblika tal-liġi Maltija. Għalhekk persuni li ma jobdux dawn ir-regoli jkunu qed iwettqu reat. Filfatt il-Professur Gauci qalet li “r-reat joħroġ mil-liġi tas-Saħħa Pubbliku, u hemm, jekk ikun hemm kontravenzjoni timxi bħal kontravenzjonijiet oħrajn u jkollok każ fejn jitressaq il-Qorti.”

Fi tweġiba għal domanda li għamel ONE News, il-Professur Gauci ċċarat ukoll li dan mhux iż-żmien li persuni li sabu akkomodazzjoni alternattiva minħabba li jgħixu ma persuni vulnerabbli jirritornaw id-dar. “Għalissa għadu mhux iż-żmien li dawn jirritornaw għax għadna f’riskju u rridu nkomplu nipproteġu n-nies li huma vulnerabbli”, temmet tgħid is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend