Il-Gvern ta s-somma ta’ €200,000 lill-Għaqda Każini tal-Banda, sabiex jitqassmu bejn il-Każini tal-banda kollha ta’ Malta u Għawdex.
Minħabba l-pandemija COVID-19, il-festi brijużi tas-sajf ġew mħassra. Dan affettwa d-dħul finanzjarju għal dawn l-għaqdiet u ġab sfidi oħra għall-kumitati li jmexxu l-għaqdiet.
Għaldaqstant il-Fond għall-Kawżi Ġusti, amministrat mill-Ministeru tal-Finanzi, ta din l-għajnuna b’rikonoxximent għall-impenn soċjo-kulturali li dawn il-każini jagħtu lejn is-soċjetà Maltija, bħat-tagħlim tal-mużika liż-żgħażagħ u jorganizzaw attivitajiet.
Iċ-ċekkijiet lil każini tal-banda se jintbgħatu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, bil-każini tal-baned huma mitluba jibgħatu ittra bid-dettalji tagħhom, lill-Ministeru tal-finanzi.
F-laqgħa mal-Għaqda Każini tal-Banda, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna rringrazzja lil dawn il-persuni kollha li b’mod volontarju jaħdmu qatigħ biex ikattru l-kultura Maltija fejn tidħol il-mużika u l-festi tradizzjonali tagħna.
“Qegħdin magħluqin ma jistgħux idoqqu u ħassejna li għandna nagħtu dan ir-rikonoxximent għal dan il-għan.”
Il-Ministru Edward Scicluna kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera u mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjari u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.