Biex is-sagrifiċċji li għamilna ma jisfumawx fix-xejn – One News

Notifiki

Biex is-sagrifiċċji li għamilna ma jisfumawx fix-xejn

Illum, it-Tnejn, ir-raba’ jum ta’ Mejju tas-sena 2020. Huwa jum li se jitniżżel fl-istorja ta’ pajjiżna bħala l-jum li fih bdejna l-mixja lejn normalità ġdida wara li għal numru ta’ ġimgħat, ilkoll kemm aħna, konna nkwetati, konna mħassbin, minħabba l-mixja tal-COVID-19. Imma jkun żball kbir jekk naħsbu li m’għandniex għalfejn ninkwetaw iżjed. Kif tgħid ripetutament is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Charlmaine Gauci, il-virus għadu jdur magħna. 

Ma jkollniex għalfejn ninkwetaw, (u hawnhekk forsi se jkun hawn min jgħid li qiegħed nikkontradixxi lili nnifsi), jekk inkomplu nsegwu d-direttivi li qegħdin jingħataw lilna mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Żgur li m’hemmx għalfejn noqgħod infakkar minn fejn tlaqna, għax m’għandi l-ebda dubju, li kulħadd, bir-raġun, ta’ kuljum isegwi l-aħbarijiet bit-tama li nisima’ aħbarijiet tajbin, aħbarijiet li juruna li mexjin fit-triq it-tajba, aħbarijiet li juruna li qegħdin nirbħu l-battalja kontra l-imxija tal-COVID-19.

Illum ħadd m’għandu dubju li f’dan il-perjodu diffiċli, saħħitna, biex ma ngħidx ukoll ħajjitna, kienet f’idejn tajba. Illum għandna aktar minn prova waħda, aktar minn prova ċara, li l-awtoritajiet tas-saħħa, kienu mħejjija ghal kull eventwalità. Kuntrarju għal dak li jgħid ħaddieħor, għandna aktar minn prova wahda li l-awtoritajiet tas-sahha ilhom jippreparaw biex iħarsu sahhitna f’kull eventwalità. U meta wasal il-waqt, bdew jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Bdew jittieħdu miżuri li, fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, ittieħdu fil-mument opportun b’mod maħsub, b’mod xjentifiku, u b’mod informattiv. Hekk sar, u hekk se jkompli jsir. Anke d-deċiżjonijiet li dahlu fis-seħħ illum, huma maħsuba b’mod xjentifiku.

Imma wasalna fejn wasalna – u dan ma ngħidux jien – imma jgħiduh l-awtoritajiet tas-saħħa – fuq quddiem nett is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charlmaine Gauci, jgħidu l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, u jgħidu wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, grazzi għar-responsabbiltà u d-dixxiplina li wrejna bħala poplu. Iva, ir-responsabbiltà u d-dixxiplina li wrejna int u jien. Li wrew uliedna u qrabatna. Li wrew il-familji tagħna lkoll.

Illum bdejna mixja fi triq ġdida. Imma hija mixja li l-bażi tagħha huma l-bazi tal-mixja li mxejna flimkien f’dawn l-ahhar gimghat. Ir-responsabbiltà u d-dixxiplina. Ejjew, ħbieb tiegħi, inkomplu nuru l-istess responsabbiltà u dixxiplina. B’hekk biss inħarsu s-suċċessi li ksibna. Suċċessi li ksibniehom b’sagrifiċċji mhux żgħar. Imma b’sagrifiċċji meħtieġa. Nieħdu ħsieb li s-sagrifċċji li għamilna ma jisfumawx fix-xejn.

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend