Grazzi kbira minn qiegħ qalbna – One News

Notifiki

Grazzi kbira minn qiegħ qalbna

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charlmaine Gauci ilha issa gimgħat sħaħ, ta’ kuljum taġġornana dwar dak kollu li qiegħed jiġri f’pajjiżna fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Covid-19. Ilha ġimgħat sħaħ tieħu sehem fi programmi fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju tagħti spjegazzjonijiet ċari tal-ħidma li qiegħda ssir mill-awtoritajiet tas-saħħa biex neghlbu din l-imxija. B’appelli kontinwi biex insegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa biex tkun imħarsa saħħet kull wiehed u waħda minna.

Propju f’dawn l-aħħar jiem, kellha intervista ma’ TimesTalk. It-titlu magħżul mill-ġurnalista ta’ The Times għar-rapport dwar din l-intervista kien li Charlmaine Gauci tgħid li hija konxja li hemm nies li qegħdin ibatu. Hekk hu, Charlmaine (nittama li tippermettili nsejjahlek direttament b’ismek). Hemm nies li qegħdin ibatu. Imma kien ikollna ħafna aktar nies li jbatu li kieku int u t-tim tiegħek, ma ħdimtux id f’id mal-Ministeru tas-Saħħa, ma ħdimtux id f’id ma’ awtoritajiet governattivi oħra, biex f’pajjizżna, l-imxija sabet l-aktar għadu b’saħħtu fost il-pajjiżi tad-dinja.

Ippermettili niktiblek pubblikament. Hekk inħoss li għandi nagħmel f’lejliet l-Ewwel ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem. Jista’ jkun li dan il-jum jitqies minn ħafna bħala jum politikament partiġġjan. Żgur li m’għandux ikun hekk din is-sena.  

Il-ħimda tieghek, u tat-tim tiegħek, flimkien ma’ ħafna u ħafna oħrajn, fosthom membri tal-korp tal-pulizija, membri tal-armata, ħaddiema tal-indafa pubblika, u oħrajn, huma xhieda ta’ kemm huma sbieħ l-għaqda u s-solidarjetà bejn il-ħaddiema nfushom, imma wkoll bejn il-ħaddiema u min iħaddem.

Dan il-jum għandu jkun dedikat għalikom. Jum il-Ħaddiem 2020 mhux bhal kull jum il-ħaddiem ieħor. Se nibqgħu magħluqin ġewwa djarna, napprezzaw dak kollu li għamiltu, u qegħdin tagħmlu għalina. Se tibqgħu tissemmew fl-istorja ta’ din l-art ħelwa. Xieraq li ngħidulkom grazzi kbira minn qiegħ qalbna.  

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend