Laqgħa ta’ konferenza diġitali dwar is-settur tat-trasport bejn Malta u l-istati membri oħra tal-UE – One News

Notifiki

Laqgħa ta’ konferenza diġitali dwar is-settur tat-trasport bejn Malta u l-istati membri oħra tal-UE

Malta pparteċipat f’laqgħa ta’ konferenza diġitali mal-Kummissarju għat-Trasport Adina Vălean u l-ministeri għat-trasport tal-membri stati fid-dawl tal-pandemija Covid-19.

Din kienet it-tieni laqgħa ta’ dan it-tip fejn setgħu jitkomplew id-diskussjonijiet dwar l-isfidi li l-pajjiżi Ewropej qed jaffaċċjaw. Il-pożizzjoni ta’ Malta kienet għal aktar għajnuna min-naħa tal-Unjoni Ewropea, hekk kif il-pandemija ħalliet ukoll impatt ekonomiku fuq is-settur tat-trasport, u sar enfasi fuq l-importanza tal-għarfien dwar il-ħidma kruċjali ta’ dawk kollha li joperaw f’dan is-settur, jekk hux trasport bil-baħar, bl-ajru, jew fuq l-art.

Malta saħqet li hija bil-ħidma kontinwa tal-industrija marittima, tal-avjazzjoni u anke dik tat-trasport fl-art li pajjiżna seta’ jkompli jirċievi merkanzija essenzjali bħall-ikel, mediċini u tagħmir mediku filwaqt li l-pajjiż seta’ jkompli jesporta l-prodott lokali. Għalhekk, il-pożizzjoni kienet favur diskussjoni fuq livell Ewropew sabiex ikun hemm pjan ċar li jippermetti lill-operaturi Maltin ikomplu jikkompetu ma’ dawk internazzjonali x’ħin is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal.

Malta għafset ukoll fuq il-fatt li l-ebda pajjiż fid-dinja ma jinsab fis-sitwazzjoni li kien qabel faqqgħet il-Covid-19 u għalhekk huwa importanti li ċertu aspetti jiġu diskussi fid-dawl ta’ realtajiet ġodda, bħall-pakkett tal-mobilità li kien ġie żviluppat f’kuntest ekonomiku ieħor. Hawnhekk, Malta ħadet pożizzjoni favur soluzzjonijiet prattiċi, responsabbli u li jħarsu fit-tul għas-settur tat-trasport li qed jagħti tant kontribut f’din is-sitwazzjoni imma li qiegħed jaffaċċja l-isfidi tiegħu wkoll. L-enfasi kien fuq preparazzjoni tajba biex is-settur ikun jista’ jqum fuq saqajh mill-ewwel malli d-dinja tibda tnaqqas ir-restrizzjonijiet.

Malta tenniet l-impenn tal-Gvern ta’ pajjiżna li jkompli jiddiskuti fuq bażi lokali mal-partijiet interessati kollha u anke fuq livell Ewropew għal għajnuniet finanzjarji sabiex dan is-settur mhux talli jirkupra imma jibqa’ miexi ‘l quddiem.

Għal din il-laqgħa attendew il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Christopher Cutajar u ċ-Chief of Staff Julian Tabone.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend