Heritage Malta tniedi l-proġett #IsolationCreation – One News

Notifiki

Heritage Malta tniedi l-proġett #IsolationCreation

Ironikament, filwaqt li l-imxija tal-COVID-19 sfurzat lil kulħadd biex joqgħod ġewwa, fl-istess ħin irnexxielha tillibera potenzjal enormi li kien hemm mistur f’ħafna minna. Illum, bosta huma dawk li qed jiskopru li kapaċi jpinġu, jiddisinjaw, jiktbu, jiżfnu u 100 ħaġ’oħra kreattiva li qabel qatt ma kellhom ħin għalihom.

Biex tirkeb fuq din il-mewġa ta’ ispirazzjoni, mill-ġdid Heritage Malta ħarġet b’inizjattiva ġdida biex tħajjar lill-pubbliku jipparteċipa fil-proġett #IsolationCreation.

Dan il-proġett se jara l-bidu tiegħu nhar l-Erbgħa 29 t’April, meta l-pubbliku se jkun mistieden jidħol fil-paġna tal-Facebook https://www.facebook.com/stpaulscatacombs/ biex jara l-ewwel artifatt magħżul – il-Pendent ta’ Horus.

Il-Pendent ta’ Horus issawwar mill-fajjenza u nstab fis-sit arkeoloġiku tal-Katakombi ta’ San Pawl. Għalkemm jirrappreżenta l-alla Eġizzjan Horus, dan il-pendent mhux ta’ oriġini Eġizzjana. Probabbilment ġie manifatturat f’xi ħanut Feniċju, ibbażat fuq l-oriġinali Eġizzjan li nħadem bejn is-7 u l-1 seklu QK.

Xi divinitajiet barranin bidlu bil-kbir is-sistema tat-twemmin tal-Feniċi li anke adottawhom bħala allat tagħhom. L-allat Eġizzjani kienu partikolarment influwenti. Dan il-pendent juri l-alla Eġizzjan Horus irrappreżentat bħala falkun. Bħala alla, ir-rwol prinċipali tiegħu kien li jipproteġi l-parti t’isfel u ta’ fuq tal-Eġittu, imma kien ukoll meqjus bħala alla tas-smewwiet, tal-kaċċaturi tal-gwerra u tal-poter sovran.

Hekk kif għamlu l-Feniċi, Heritage Malta qiegħda tistieden lill-pubbliku biex jiffukaw il-kreattività tagħhom fuq dan l-alla Eġizzjan. Il-faxxinu ta’ dan l-alla potenti jaf iqanqal il-muża ta’ xi wħud biex jiktbu xi poeżija, biex jimmortalizzawh b’xi tpinġija jew biex ipaxxuh b’xi żifna eżotika. Oħrajn jafu jkunu motivati jirriproduċu l-immaġni tiegħu fil-ġebel, fil-metall, f’xi kejk jew galettina, inkella f’xi biċċa xogħol maħduma bil-labar tas-suf.

Il-proġetti jistgħu jieħdu kull forma. L-immaġinazzjoni biss hija l-limitu! Tista’ taħdem waħdek jew fi grupp. L-importanti hu li tibdel l-iżolament f’mumenti ta’ kreazzjoni billi taqsam ix-xogħol kreattiv tiegħek ma’ Heritage Malta fuq il-paġna tal-Facebook https://www.facebook.com/stpaulscatacombs/

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend