Ekonomija li se tkompli tilqa’ għad-daqqiet tal-COVID-19 – One News

Notifiki

Ekonomija li se tkompli tilqa’ għad-daqqiet tal-COVID-19

Pajjiżna se jesperjenza xokk sostanzjali fl-ekonomija din is-sena kawża tal-effetti ekonomici li ġabet magħha l-pandemija tal-Coronavirus, iżda jekk is-sitwazzjoni tirrisolvi ruħha fit-tieni nofs ta’ din is-sena, pajjiżna se jerġa jaqbad it-triq tal-prosperità fl-2021.

Dan filwaqt li qed ikompli jsaħħaħ u jtejjeb fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru lil pajjiżna fis-snin li għaddew.

Dan joħroġ mill-programm nazzjonali ta’ riforma li jirrapporta l-progress li qed isir rigward l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi u l-miri nazzjonali stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għas-sena 2020.

Dan ir-rapport juri l-progress li pajjiżna għamel fid-diversi rakkomandazzjonijiet speċifiċi fosthom it-tisħiħ tas-sistema tal-pensjonijiet kif ukoll estensjoni tal-benefiċċju li jinqata’ gradwalment għal dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Isemmi wkoll miżuri li diġa ġew implimentati bħall-bidla fil-mod ta’ ħatra tal-Korp tal-Pulizija u l-progress li sar sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u kif ukoll dwar l-evażjoni tat-taxxa.

Fi preżentazzjoni l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-ekonomija se tiċkien b’5.4 % din is-sena, qabel ma tirkupra għal tkabbir sostanzjali ta’ 3.9% s-sena d-dieħla.

It-tkabbir fl-impjegi se jinżel bi 3.3% iżda se jiġi kkumpensat kważi kompletament is-sena d-dieħla meta hu stmat li dan jerġa jitla bi 3.2%. Ir-rata tal-qagħad is-sena d-dieħla se tkun ta’ 4.4% meta mqabbla ma’ 5.9% din is-sena.

Dan ser iwassal biex pajjiżna jkollu fost l-aħjar prestazzjonijiet f’din il-kriżi mill-pajjiżi kollha Ewropej.

Il-Ministru Scicluna sostna li l-miżuri li kabbru l-ekonomija fl-aħħar snin ħolqu biżejjed spazju biex id-dejn jikber b’mod sostennibbli filwaqt li tkun salvagwardjata l-ekonomija.

Dan se jwassal biex il-Gvern jkun jista’ jagħmel kull miżura li jkun hemm bżonn.

Il-Ministru Scicluna spjega: “Il-baġit li gawdejna minnhom tul l-aħħar seba’ tmien snin ħasbu li f’xi eventwalita kerha li ġiet. Issa li hemm bżonn li l-familji Maltin u Għawdxin ma jweġġgħux u l-Gvern lest li jagħmel kollox, sew lilhom kif ukoll il-postijiet tax-xogħol tagħhom.”

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Carmelo Abela semma l-importanza li l-gvern is-sħab socjali u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien. Qal li dan iwassal biex jinkisbu riżultati importanti. Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Carmelo Abela semma li s-settur bankarju huwa importanti mhux biss f’dan il-perjodu iżda anka wara li tgħaddi l-pandemija għax il-kumpaniji jirrikorru għand il-banek.

Il-Ministru Abela sostna: “Għandna miri fejn qed nilħquhom, għandna miri oħrajn li rridu naħdmu ftit aktar biex inkunu nistgħu nilħquhom u nilħquhom b’mod tajjeb. Dak huwa l-irwol tal-gvern u nħarsu ‘l quddiem li nkomplu naħdmu ma’ sħab soċjali kollha biex il-miri ta’ pajjiżna nkunu nistgħu nilħquhom b’suċċess.”

Intant waqt il-konferenza l-Gvern ħabbar estensjoni tal-iskema tad-diferiment tat-taxxa sal-aħħar ta’ Ġunju. Dan filwaqt li l-Gvern qed jaħdem fuq pjan ta’ disa’ xhur sabiex jgħin negozji li għandhom bżonn l-għajnuna biex jirkupraw.

Dawn il-miżuri mħabbra sabu l-appoġġ tal-kamra tan-negozji zgħar u medji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend