Bħal dan iż-żmien, is-sajd għat-tonn ikun fl-aqwa tiegħu.
Minkejja li din is-sena hija waħda iebsa ferm minħabba t-tnaqqis fid-domanda dovut għall-imxija tal-Coronavirus, ġewwa binja ta’ kumpanija ewlenija tal-ħut f’San Pawl il-Baħar kienu ssiġillati l-ewwel ħames tonniet b’piż ta’ madwar tunellata li se jiġu esportati barra minn Malta.
Graziella Azzopardi spjegat li dan it-tonn jinqabad bil-mod tradizzjonali jiġifieri bis-sunnara.
Hekk kif jinqabad, dan jiġi mnaddaf u mimli bis-silġ, sakemm il-prodott jasal fid-destinazzjoni finali.
“Hawnhekk la darba jiġi jaqtagħlu rasu biex ikun lest għall-esportazzjoni ovvjament ikollok klijenti li jsaqsuk għall-ħuta sħiħa imma kemm jista’ jkun inti ġġibu dressed anka minħabba l-prezzijiet fit-trasport.”
L-istaġun għall-qbid tat-tonn beda dan ix-xahar u jibqa’ sejjer sa Ġunju sakemm ma tintlaħaqx qabel il-kwota ta’ 390 tunnellata allokata għal pajjiżna din is-sena.
Huma biss bejn 15 u 20 tunnellata ta’ tonn li jinżammu fis-suq lokali.
Azzopardi qalet li l-okkażjoni tal-ewwel qabda tat-tonn hija waħda sinifikanti għaliex waqt li tagħti bidu għal staġun ġdid, qed tiġi wkoll fi żmien fejn delikat ferm.
Dak hekk kif ħwienet u ristoranti barra minn Malta ngħalqu filwaqt li l-konsum naqas drastikament. Minkejja dan il-prodott Malti xorta qed jirnexxielu jiġi esportat u mibjugħ għalkemm bi prezzijiet ferm aktar baxxi.
“Aħna ppruvajna kemm jista’ jkun insibu dak il-market fejn nibgħatu u naqdu dak il-klijent għax il-prodott Malti mfittex ħafna, mhux it-tonn biss, kwalunkwe ħut ta’ Malta kwalunkwe prodott ta’ Malta huwa mfittex.”
U għalkemm din is-sitwazzjoni ġiet bħal sajjetta fil-bnazzi, Azzopardi qalet li l-ħut Malti xorta huwa mfittex sew, mill-Ġappun għar-Renju Unit, kif ukoll anke f’pajjiżi bħall-Bulgarija.
“Dejjem tisma b’nies ġodda li jisimgħu b’Malta u jfittxu fuqek biex tara kif ħa tagħmel biex taqdihom. Huwa ħut li hawn domanda kbira, imma domanda kbira meta jkun żmien tajjeb.”
Is-suq tat-tonn lokali jaf il-bidu tiegħu għall-aħħar tat-tmeninijiet, meta kumpanija Ġappuniża ngħatat ħames tonniet minn pajjiżna b’rikonoxximent għax-xogħol li wettqet fi proġett lokali.
Illum it-tonn maqbud fl-ibħra Maltin sar popolari fil-kċina Ġappuniża, fejn fost oħrajn jintuża fis-sashimi u s-sushi.