€50,000 fi premijiet li jinkoraġġixxu l-kreattività – One News

Notifiki

€50,000 fi premijiet li jinkoraġġixxu l-kreattività

Is-26 ta’ April.

Il-jum dinji fejn fih tiġi mfakkara l-propjetà intelletwali.

B’ċelebrazzjoni għal dan il-jum, il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar nieda l-‘Premju għall-inkoraġġiment ta’ ideat ġodda u r-rikonoxximent ta’ Propjetà Intelletwali’ b’fond ta’ ħamsin elf ewro fi premjijiet.

Dan sabiex minkejja s-sitwazzjoni straordinarja tal-Covid-19 pajjiżna xorta jibqa’ jimbotta individwi u organizzazzjonijiet sabiex iressqu ideat innovattivi, kreattivi u teknoloġiċi li jistgħu jikkontribwixxu iżjed u jgħinu lill-ekonomija u s-soċjetà.

Dan il-premju jinkludi erba’ kategoriji.

Il-‘Premju għal Inizjattiva Kreattiva’ li jippremja individwi jew negozji li joperaw fis-setturi kulturali kif ukoll dawk kreattivi. Il-‘Premju għal Inizjattiva Xjentifika’ li jirrikonoxxi riċerki xjentifiċi ġġenerati minn studenti tax-xjenza, akkademiċi u professjonisti.

Il-‘Premju għal Inizjattiva Teknologika’ li jinkludi l-iżvilupp ta’ teknolgija ġdida u innovattiva, jew titjib fil-proċess, fir-rigward ta’ soluzzjonijiet relatati ma’ sfidi għad-dija tal-kummerċ jew għas-soċjetà in generali u l-‘Premju għal Inizjattiva ta’ Innovazzjoni Emerġenti’ li jirrikonoxxi l-inizjattiva  mmirata sabiex jiġu mħeġġa proġetti, li għalkemm mhumiex magħmula minn persuni kreattivi, xjentisti, jew professjonisti ta’ esperjenza, xorta waħda huma proġetti promettenti u innovattivi.

B’reazzjoni għat-tnedija ta’ dawn il-premijiet il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri stqarr li “meta wieħed iħares lejn l-istorja jara li l-aktar ideat revoluzzjonarji kienu żviluppati fi żminijiet ta’ sfida kbira, simili bal dawn li qed ngħixu issa fiż-żmien il-pandemija tal-COVID-19.”

Sostna li “din hija opportunità tajba sabiex ninkoraġġixxu ħsibijiet innovattivi u proġetti żviluppati minn individwi u intrapriżi.”

Il-‘Premju Proprjetà Intelletwali Malta’ huwa mmexxi mid-Dipartiment tal-Kummerċ.

Il-linji gwida relatati ma’ dawn il-premijiet jinsabu fuq www.commerce.gov.mt u l-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta’ l-imejl fuq [email protected], mil-Ħadd 11 ta’ Mejju, sal-Ħadd 7 ta’ Ġunju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend